F’laqgħa li saret aktar kmieni llum fil-Palazz ta’ San Anton, delegazzjoni tal-Oppożizzjoni mmexxija mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kellha laqgħa kordjali mal-President ta’ Malta li matulha wasslet it-tħassib serju tagħha dwar l-abbozz ta’ liġi li l-Ministru għall-Ġustizzja ressaq biex jemenda l-Att dwar l-Interpretazzjoni.
Il-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina u l-Kelliem għad-Drittijiet Umani u l-Governanza Tajba Therese Comodini Cachia kienu parti mid-delegazzjoni. L-Oppożizzjoni temmen bis-sħiħ li għandha obbligu li twassal il-pożizzjoni direttament lill-President ta’ Malta bħala l-gwardjan tal-Kostituzzjoni.
Waqt din il-laqgħa l-Oppożizzjoni fissret lill-President ta’ Malta kif l-abbozz ta’ liġi li qed jipproponi l-Ministru għall-Ġustizzja huma manifestament kontra l-Kostituzzjoni u se jkun qed inaqqas mid-drittijiet fundamentali li kull persuna tgawdi skont il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Ġie spjegat ukoll kif il-Qorti Kostituzzjonali ta’ pajjiżna diġa’ tat numru ta’ sentenzi dwar dan is-suġġett u m’hemm l-ebda dubju li dak li qed jagħmel il-Ministru jmur kontra l-Kostituzzjoni.
Id-delegazzjoni tal-Oppożizzjoni spjegat lill-President ta’ Malta kif tistenna li l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis jirtira l-abbozz ta’ liġi għax dan imur kontra l-Kostituzzjoni kif ilha tgħid l-Oppożizzjoni u kif qalu pubblikament għadd kbir ta’ persuni b’għarfien dwar il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ pajjiżna, fosthom:
- L-eks Imħallef tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, Dr Giovanni Bonello.
- L-eks Dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi fl-Universita’ ta’ Malta u espert dwar il-liġi
kostituzzjonali, il-Professur Kevin Aquilina. - L-eks Kummissarju Ewropew u espert dwar il-liġi kostituzzjonali, Dr Tonio Borg.
- L-eks Imħallef tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u eks Avukat Ġenerali, Dr Antony Borg Barthet.
- L-eks Kummissarju tal-Ligijiet Dr Franco Debono
- L-espert dwar il-liġi kostituzzjonali, Dr Austin Bencini.
- Il-Kamra tal-Avukati
Id-delegazzjoni tal-Oppożizzjoni fissret lill-President ta’ Malta kif hija lesta li tidħol fi djalogu kostruttiv mal-Ministru Edward Zammit Lewis u ma’ dawk kollha interessati sabiex tinstab soluzzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni rringrazja lill-President ta’ Malta tad-disponibbilta’ tiegħu biex jiltaqa’ mad-delegazzjoni tal-Oppożizzjoni u jisma’ direttament mingħandha dwar suġġett daqshekk importanti fit-tħaddin tad-demokrazija, ż-żamma tas-saltna tad-dritt u l-governanza.
//= $special ?>