Lokali

“Għafsa ta’ qalb għar-Rabtin”

Id-19 ta’ Marzu… l-aktar jum mistenni għall-Ġużeppini Rabtin… iżda bla dubju li hija għafsa ta’ qalb li għat-tieni sena konsekuttiva dan il-patrun mhux se joħroġ fit-toroq tar-Rabat.

Fis-sena ddedikata lil San Ġużepp bit-tema magħżula tkun ‘Qalb ta’ missier’… it-toroq li ssoltu jkunu miżgħuda bil-ferħ tar-Rabtin, briju u daqq tal-banda, se jerġgħu jkunu mneżża minn dan kollu… mill-armar tal-pavaljuni, liedna u bandalori.

L-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat, din is-sena kellha tbiddel il-preparamenti għall-festa minħabba r-restrizzjonijiet li daħlu fis-seħħ ftit tal-ġranet ilu. L-Assistent Segretarju tal-Arċikonfraternità Adrian Zahra qalilna li l-enfasi ngħatat lill-funzjonijiet reliġjużi.

Il-Maestro Joseph Galea jispejgalna kif kellhom ibiddlu kollox sabiex jaddattaw għar-restrizzjonijiet tal-pandemija, fosthom li jibdel il-mużika kollha u jaddattaha għall-orgni.

Nhar il-festa, l-Arċisqof Charles Scicluna se jkun qed imexxi pontifikal mis-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp Inkurunat fir-Rabat.