Għawdex Lokali

AĠĠORNATA: Ħaddiem jitlef ħajtu wara li ċeda saqaf fl-inħawi tad-Dwejra

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Pulzija

Ir-raġel ta’ 52 sena residenti x-Xewkija li fuqu ċeda saqaf fl-inħawi tad-Dwejra ġie ċċertifikat li tilef ħajtu fil-post ftit wara li seħħ l-inċident meta kien qed jagħmel xi xogħol fil-post.

Kien għall-ħabta tal-9:30am meta l-pulizija ġiet infurmata li ċeda saqaf ta’ latrina fl-inħawi tad-Dwejra f’Għawdex.

Minn informazzjoni li kiseb Net News, jidher li l-pulizija kienet għaddejja bi tfittxija għal persuna li kienet fil-latrina fil-ħin tal-inċident. Minkejja li ingħata għajnuna medika, il-ħaddiem ġie ċċertifikat li tilef ħajtu.

Membri tal-Protezzjoni Ċivili u numru ta’ pulizija jinsabu fil-post bħalissa filwaqt li l-ambulanza telqet mill-post appena r-raġel tilef ħajtu.

Bil-każ ġiet infurmata il-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana li fetħet inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.