Lokali

IL-KAŻ HILLMAN: Keith Schembri se jkun mixli l-Qorti fil-jiem li ġejjin

“Jien tifel Laburist. Iridu jagħmlu ħsara lill-Partit Laburista.”

Kien b’dan il-kliem illi Keith Schembri akkumpanja l-messaġġ li wassal fuq il-media soċjali biex iħabbar li hu, dalwaqt, qed jistenna li jiġi mixli fil-Qorti b’rabta mal-inkjesta li kien talab l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil – allegat tixhim li fih kien imdaħħal ukoll l-eks Direttur Manigerjali ta’ Progress Press, Adrian Hillman.

B’qalb sewda, ngħid li dawn l-akkuzi għandhom warajhom id moħbija li trid tagħmel ħsara lill-PL u lill-Gvern, jikteb Keith Schembri.

L-eks Chief of Staff ta’ Muscat jinsisti li lilu ilhom żmien jippruvaw iħammġuh. Filwaqt li attakka lill-esperta li tqabbdet mill-Qorti biex tassisti f’din l-inkjesta.

Keith Schembri jikkonferma li hu ra l-konklużjonijiet ta’ din l-inkjesta, filwaqt illi jakkumpanja dan il-‘post’ tiegħu fuq il-media soċjali kien hemm ritratt ta’ wieħed mill-aħħar mass meetings tal-Partit Laburista.

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, il-PN kien talab il-pubblikazzjoni immedjata u sħiħa ta’ din l-inkjesta dwar Schembri u Hillman. L-allegazzjonijiet iduru ma’ €650,000 li allegatament għaddew bejn Schembri u l-eks Direttur Maniġerjali tat-Times.