Coronavirus Internazzjonali

“Il-vittmi f’Bergamo jafu kienu d-doppju” – is-Sindku Giorgio Gori

18 ta' Marzu - il-jum dedikat għall-vittmi tal-Covid fl-Italja

Kien eżatt sena ilu meta mill-Italja bdew jaslulna il-filmati ta’ serbut twil ta’ trakkijiet ħergin minn Bergamo. Trakkijiet tas-suldati li fihom kien hemm għexieren ta’ vittmi tal-Covid. Miġburin f’daqqa, kważi bla dinjita’.

Minn hawn, il-kontinent kollu bħal donnu irrealizza li din ma kinitx sempliċi influwenza. Konna qed niġġieldu ghadu li ma jidhirx.

Propju din il-ġimgħa, is-Senat Taljan ivvota biex dan il-jum tat-18 ta’ Marzu jibqa’ jitfakkar bħala il-ġurnata dedikata lill-vittmi tal-Covid-19.

Dalgħodu, il-Prim Ministru Mario Draghi wasal Bergamo fejn ħa sehem f’ċerimonja li fakkret propju lill-vittmi kollha li mietu matul din il-pandemija. Draghi żar ukoll iċ-ċimiterju, fejn poġġa’ kuruna tal-fjuri.

Waqt ic-cerimonja, is-Sindku Giogrio Gori irringrazzja lill-Prim Ministru għal dan il-ġest. Għalkemm fid-diskors tieghu wassal ir-realtà kiefra ta’ din il-pandemija, bis-Sindku jgħid li l-vittmi tal-Covid f’Bergamo biss huma probabbilment id-doppju ta’ dak li jidher fl-istatistika uffi1jali.

Giorgio Gori spjega għaliex il-Comune warrab l-idea li jsir monument għall-vittmi – iżda minflok tħawwlu mitt sigra, għaliex is-siġar huma memorja ħajja ta’ poplu li se jibqa’ jissielet minkejja d-daqqa li sofra. Dan hu l-ispirtu li bih irridu nibdew mill-ġdid, saħaq is-Sindku ta’ Bergamo.