Lokali

Imniedi dokument tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ “Lejn 2030”

Il-Ħamis tħabbret il-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ ‘ Lejn 2030’ – b’numru ta’ temi li jinsabu fid-dokument li kien ippubblikat fl-aħħar sigħat ikunu spjegati tul konferenza tal-aħbarjiet imtella’ fost l-oħrajn mill-Aġenzija Żgħażagħ.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Theuma qalet li qed tinbena politika li għandha tirrspetta, tifhem u li tagħti fiduċja liż-żgħażagħ u biex wara kollox meta noħorġu mill-pandemija tal-Covid-19 ikunu ż-żgħażagħ li jimmotivaw lill-poplu Malti u Għawdxi u li jagħtu nifs ġdid fil-mod kif issir il-politika.

Hija spjegat l-għanjiet prinċipali biex iż-żgħażagħ joħorġu l-potenzjal tagħhom u jsiru aktar ċittadini attivi fejn fost l-oħrajn għamlet referenza għal 8 għanjiet strateġiċi – ir-riċerka, smiegħ, tranżizzjoni bejn iż-żgħożija u l-ħajja adulta, edukazzjoni mhux formali, sapport lil proġetti kreattivi u inovazzjoni, sapport lil inizjattivi li se joħorġu mis-soċjetà ċivili u titjib prattiku għal ħidma effiċjenti u koordinazzjoni.

Gianluca Vella mill-KNŻ qal li bħalissa huma ħafna żgħażagħ li tilfu l-fiduċja fl-attiviżmu politiku, u għalhekk jittama li dan id-dokument jaħdem biex din il-fiduċja tinkiseb mill-ġdid. Huwa qal li issa hemm il-ħtieġa ta’ moniteraġġ biex wara kollox dak li hemm fid-dokument jitwettaq.

Tul il-konferenza tal-aħbarjiet li kienet indirizzata wkoll mill-Ministru Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima  intqal li din il-politka taż-żgħażagħ hija indirizzata għal dawk li għandhom bejn it-13 u 30 sena u li se tingħata  attenzjoni lill-karattru ta’ kull lokalità bi strateġija anki mfassla fuq aspetti reġjonali.