Fil-partita prinċipali f’dan ir-round Manchester United irnexxielhom jikkwalifikaw għal ma’ l-aħħar tmienja tal-UEFA Europa League meta fi Stadio San Siro għelbu lil Milan 1-0 biex b’hekk kwalifikaw b’aggregate ta’ 2-1. Wara taqsima b’azzjonijiet fuq iż-żewġ naħat, kien fil-51 li nfetaħ l-iskor fil-partita meta kien is-sostitut PAUL POGBA li rnexxielu jikkonkluda minkejja li kien issikat minn għadd ta’ players bit-tim imexxi minn Ole Gunnar Solskjaer jibqa’ jiddefendi b’mod tajjeb tul il-kumplament tal-partita.
U fl-unika sorpriża li kellna f’dan ir-round, Tottenham kienu eliminati mill-kompetizzjoni meta barra minn darhom tilfu 3-0 kontra Dinamo Zagreb wara l-ħin barrani. Dan minkejja li Tottenham kienu rebħu l-ewwel leg 2-0. L-eroj għat-tim Kroat kien Mislav Orsic li skorja hat-trick. Wara li l-ewwel taqsima ntemmet 0-0, Dinamo Zagreb li kienu għall-ewwel darba immexxija minn Damir Krznar wara li l-kowċ tagħhom Zoran Mamic kellu kundanna ta’ ħabs wara frodi, marru fil-vantaġġ fit-62 minuta b’konklużjoni mid-distanza ta’ MISLAV ORSIC. L-istess player irdoppja seba’ minuti mit-tmiem meta kkonkluda fuq pass ta’ Atiemwen. Bl-aggregate ikun dak ta’ 2-2 sad-90 minuta, il-partita marret għall-ħin barrani fejn fil-106 minuta wasal dak li kellu jkun il-gowl ta’ kwalifikazzjoni għal Dinamo Zagreb meta kien għal darb’oħra ORSIC li b’konklużjoni minn barra l-kaxxa għeleb lil Lloris biex għamel l-iskor finali 3-0 u 3-2 bl-aggregate.
Arsenal irnexxielhom jikkwalifikaw għar-round li jmiss minkejja li tilfu 1-0 f’darhom kontra Olympiacos. Il-Gunners iżda rebħu l-ewwel leg bl-iskor ta’ 3-1 biex b’hekk kwalifikaw b’aggregate ta’ 3-2. L-uniku gowl f’dan il-konfront wasal fil-51 minuta meta YOUSEF EL-ARABI wara li rnexxielu jaqbeż xi players, ix-xutt tiegħu kien devjat għal wara l-gowlkiper ta’ Arsenal Bernd Leno. Ir-rimonta ta’ Olympiacos saret aktar diffiċli hekk kif fit-83 minuta, sfaw jilgħabu b’għaxar players meta tkeċċa Ousseynou Ba għat-tieni karta safra.
Roma kisbu rebħa ta’ 2-1 fl-Ukranja kontra Shaktar Donetsk biex rnexxielhom jikkwalifikaw għall-fażi li jmiss b’aggregate ta’ 5-1. Wara taqsima mingħajr gowls, Roma fetħu l-iskor fit-48 minuta b’daqqa ta’ ras tajba ta’ BORJA MAYORAL. Shaktar wettqu reazzjoni u ġabu l-iskor indaqs fid-59 minuta b’konklużjoni mill-viċin ta’ JUNIOR MORAES wara li rċieva mingħand Alan Patrick. Fit-72 minuta, BORJA MAYORAL irnexxielu jagħti r-rebħa lil Roma meta kkonkluda fuq cross ta’ Carles Perez.
Rangers kienu eliminati mill-UEFA Europa League u b’hekk sofrew l-ewwel telfa fl-Ewropa meta kienu megħluba 2-0 minn Slavia Prague. PETER OLAYINKA fetaħ l-iskor għal Slavia Prague. Rangers sfaw jilgħabu b’disa’ players f’temp ta’ tnax-il minuta hekk kif fil-61 minuta tkeċċa Kemar Roofe b’karta ħamra diretta u fit-73 minuta tkeċċa Leon Balogun għat-tieni karta safra. Slavia Prague approfittaw u fl-74 minuta għamluhom 2-0 permezz ta’ NICOLAE STANCIU.
Ajax kienu dominanti fiż-żewġ lega kontra Young Boys meta wara li rebħu l-ewwel leg 3-0, fit-tieni leg kisbu rebħa oħra konvinċenti ta’ 2-0. DAVID NERES fetaħ l-iskor għat-tim mill-Olanda wara 2-1, bis-Serb DUSAN TADIC jirdoppja permezz ta’ penalty fid-49 minuta. Jean Pierre Nsame ħaseb li naqqas l-iskor għal Young Boys fl-54 minuta, bil-gowl tiegħu jkun imħassar permezz tal-VAR għall-offside.
Granada kisbu post fil-kwartifinali minkejja li tilfu barra minn darhom 2-1 kontra Molda, bl-Ispanjoli jikkwalifikaw b’aggregate ta’ 3-2. Awto-gowl ta’ JESUS VALLEJO fetaħ l-iskor għal Molde wara 29 minuta, biex l-eks player ta’ Tottenham fost l-oħrajn ROBERTO SOLDADO ġab l-iskor indaqs fit-72 minuta. Lejn it-tmiem, Yan Brice Eteki waqqa lil Erling Knudtzon fil-kaxxa bir-referee jordna penalty favur Molde biex minn ħdax-il metru, EIRIK HESTAD ma żbaljax għal 2-1. Ftit sekondi wara Granada setgħu pabu l-iskor indaqs iżda l-konklużjoni ta’ Kenedy ħabtet mal-mimduda.
Villareal kwalifikaw għall-fażi li jmiss meta bl-aktar mod konvinċenti għelbu lil Dynamo Kyiv 2-0 u 4-0 bl-aggregate. GERARD MORENO fetaħ l-iskor wara 13-il minuta b’daqqa ta’ ras tajba, bl-istess player jagħmel l-iskor 2-0 fis-36 minuta meta rċieva pass tajjeb ta’ Daniel Parejo.
UEFA EUROPA LEAGUE
Illum: Arsenal v Olympiacos 0-1(3-2), D.Zagreb v Tottenham 3-0(3-2), Molde v Granada 2-1(2-3), Shaktar D. v Roma 1-2(1-5), Milan v Man Utd 0-1(1-2), Rangers v S. Prague 0-2(1-3), Villareal v D.Kiev 2-0(4-0), Young Boys v Ajax 0-2(0-5)