Kmieni dalgħodu, l-awditur Karl Cini kien ordnat mill-Pulizija biex jaffaċja interrogazzjoni li saret fil-bini tar-Reati Ekonomiċi fil-Ħamrun.
Cini huwa l-persuna li kien sħab ma’ Brian Tonna fit-tmexxija ta’ Nexia BT – id-ditta li kienet fetħet il-kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Karl Cini huwa wkoll l-istess awditur illi f’Marzu tal-2013 – ftit tal-jiem biss wara li l-Partit Laburista ħa l-Gvern f’idejh – kien bagħat email lill-kumpanija Mossack Fonseca biex jiftaħ dawn il-kumpaniji barra minn Malta. F’waħda mill-emails żvelata mill-Panama Papers, Cini kien qal li kumpanija minnhom ma kinitx għal Nexia BT iżda għal “individwu”. U insista li d-dettalja kellhom jingħataw permezz ta’ Skype.

F’Settembru li għadda, il-Qorti kienet ordnat l-iffriżar tal-assi tal-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri kif ukoll ta’ Brian Tonna u Karl Cini. Dan wara li l-Pulizija skattat investigazzjoni fuq allegazzjonijiet serji ta’ ħasil ta’ flus.
L-ordni kienet indirizzata lil lista twila ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji sabiex jiffriżaw il-kontijiet sakemm isiru l-investigazzjonijiet.
F’Novembru imbgħad, Brian Tonna u Karl Cini kienu għażlu li ma jirrispondu għall-ebda domanda magħmula mill-Bord tal-Inkjesta li qed jinvestiga l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. U dan peress li kienu taħt investigazzjoni u fuq police bail.
Huma kienu għażlu li ma jwieġbu għal ebda domanda biex ma jinkriminawx lilhom infushom.
Aktar dettalji fil-ħin li ġej
