Internazzjonali

Olanda: Raba’ mandat ta’ poter għal Mark Rutte

(Ritratt: EPA)

Il-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte ġie kkonfermat bħala r-rebbieħ tal-elezzjoni ġenerali li kienet imqassma fuq numru ta’ ġranet minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Il-Partit liberali VVD ta’ Rutte rebaħ l-akbar ammont ta’ siġġijiet fil-Parlament u b’hekk, Mark Rutte għandu mandat  biex jifforma Gvern ġdid ta’ koalizzjoni li se jkun immexxi mill-istess VVD. Dan se jkun anki r-raba’ mandat ta’ poter konsekuttiv għal Rutte, wara li l-aħħar Gvern immexxi minnu rriżenja f’Jannar b’konnessjoni ma’ skandlu relatat mal-qasam tal-ġid soċjali għat-tfal.

Filwaqt li l-Partit VVD għandu jikseb 35 fost il-150 siġġu fil-Parlament Olandiż, il-Partit D66 taċ-ċentru-xellug ukoll għamel suċċess notevoli f’din l-elezzjoni fejn irnexxielu jirbaħ 24 siġġu.

Fl-ewwel kummenti tiegħu wara r-rebħa, Rutte – waqt diskors fil-parlament — irringrazzja lill-elettorat ‘li ta vot kbir ta’ fiduċja lill-partit tiegħu.

Il-Prim Ministru, fl-istess ħin, ammetta li ‘l-affarijiet ma mxewx daqshekk tajjeb fl-aħħar għaxar snin’ iżda insista li l-Gvern immexxi minnu se jilqa’ l-akbar sfida għalih – ‘f’dan il-każ li jqiegħed lill-pajjiż fuq sisien aktar sodi wara l-effetti tal-pandemija tal-Covid-19’.

Iż-żewġ partiti msieħba mal-VVD fil-koalizzjoni preċedenti mistennija jkunu parti mill-Gvern ġdid tal-Olanda. Madankollu, l-appoġġ tal-Partit D66 u l-Partit CDA mhumiex biżżejjed għal maġġoranza u l-proċess lejn koalizzjoni ġdida kapaċi jdum għaddej mhux ħażin fiċ-ċirkustanzi.

Intant, il-Partit tal-Ħelsien estremista ( anti-Iżlamiku) ta’ Geert Wilders tilef mill-appoġġ li kellu u issa se jkun irrappreżentant biss bi 17-il deputat fil-Parlament.