Hu evidenti li l-membri fi ħdan il-Kabinett ta’ Robert Abela qed jgħixu sitwazzjoni ta’ skumdità qawwija.
Dan wara li fil-Qorti, Vince Muscat il-Koħħu rrefera għal Ministru attwali u li allegatament kien involut f’każ kriminali preċedenti.
Iffaċċjati mill-mistoqsija ta’ NET News jekk iħossuhomx komdi li bilqegħda ħdejhom fil-Kabinett hemm persuna li ssemmiet minn Vince Muscat dwar każ kriminali, il-Ministru Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima għażlu li jaħarbu mid-domandi tagħna.
B’Julia Farrugia Portelli tibqa’ ma tweġibx u minflok wieġbet, il-Ministru tal-Inkluzjoni rrepetiet ir-rettorika li qed juża l-PM Robert Abela.
Bħala kamra tal-aħbarjiet xtaqna li nuru dawn it-tweġibiet iżda sa issa għadna ma rċevejniex il-filmat kollu bis-sezzjoni tad-domandi inklużi.
Is-sitwazzjoni ta’ skumdità qed tkompli tkun evidenti hekk kif l-Erbgħa il-Ministri Byron Camilleri u Michael Farrugia wkoll ħarbu milli jwieġbu domandi simili dwar l-allegazzjonijiet tal-Koħħu.