Internazzjonali

Stati Uniti: Akkużat bl-omiċidju ta’ tmienja waqt l-isparaturi

Raġel fl-Istati Uniti qed ikun akkużat bl-omiċidju ta’ tmien persuni wara sensiela ta’ sparaturi, aktar kmieni fil-ġimgħa, f’numru ta’ massage parlours fil-belt ta’ Atlanta.

Filwaqt li fl-attakki mietu sitt nisa ta’ nisel Asjatiku, l-uffiċjali tal-pulizija għadhom ma kkonfermawx jekk l-isparaturi kenux xprunati minn sens ta’ mibgħeda fuq bażi ta’ razza.

Intant, l-aggressur suspettat, li jismu Robert Aaron Long, qed jiffaċċja wkoll diversi akkużi ta’ aggrediment minbarra l-akkużi relatati mal-qtil tal-massa.

L-uffiċjali tal-pulizija sadanittant ma jeskludux li Long kien jiffrekwenta l-massage parlours inkwistjoni u meta l-qattiel suspettat qed jiċħad li l-attakk kien motivat b’mibgħeda għall-Asjatiċi.

Fl-aħħar xhur kien hemm żieda fl-attakki kontra l-Amerikani Asjatiċi li qed jispiċċaw dejjem aktar mira tal-inċidenti vjolenti.