Il-Moviment Graffitti jfaħħar l-isforzi tal-Kunsill sabiex jippreserva l-komunitàagrikola.
Il-pjanijiet alternattivi proposti mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi għaż-żona tal-Imriehel intlaqgħu b’“ottimiżmu u sodisfazzjon” mill-Moviment Graffitti.
Fi stqarrija, il-grupp attivista faħħar l-pjanijiet il-ġodda li se jindirizzaw il-problema tas-sikurezza tat-traffiku kkwotata minn Infrastructure Malta mingħajr ma tittieħed ebda art agrikola
Il-pjanijiet, ikkummissjonati mill-Kunsill u ddiżinjati mid-ditta tal-arkitettura DAAA Haus jipprevedu wkoll mina b’erba’ karreġġjati minflok il-flyover proposta minn Infrastructure Malta. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi kkummissjona dawn l-istudji immedjatament wara laqgħa bejn il-Kunsill u l-Ministru għat-Trasport Ian Borg, li kien wiegħed kemm lill-kunsill kif ukoll lill-pubbliku, permezz ta’ intervista mogħtija lil Times of Malta, li se jikkunsidra alternattivi li ma jeħtieġu ebda użu ta’ art agrikola.
“Il-pjanijiet riveduti huma titjib enormi fuq l-istruttura mostruża proposta minn Infrastructure Malta,” qal kelliem għall-grupp.
“Aħna ovvjament favur proposta li tindirizza t-tħassib tat-traffiku mingħajr ma tintilef iżjed art agrikola. Aħna nemmnu li din il-proposta hija waħda ta’ sens komun, peress li se tippermetti lill-Ministru Borg ikompli jaħdem fuq il-pjan tat-toroq tiegħu mingħajr ma jeqred aktar art agrikola. Billi jaċċetta din il-proposta, il-Ministru Borg jista’ jiddikjara li ffranka 14-il tomna ta’ raba’ saqwi, u l-bdiewa – li kemm-il darba qal li jħobb – ma jitilfux l-art u l-prodotti tagħhom li ilhom jindukraw għal ġenerazzjoni wara oħra.
Il-grupp talab ukoll lill-politiċi u l-kandidati fid-distrett ta’ Ħal Qormi sabiex jaraw huma wkoll il-pjanijiet u jieħdu pożizzjoni favur dik li hija soluzzjoni fejn jirbħu kemm il-bdiewa kif ukoll l-awtoritajiet.
Żewġ NGOs oħra taw ir-reazzjonijiet tagħhom għall-proposti tal-Kunsill Lokali. Rota, NGO fil-qasam taċ-ċiklisti, faħħret il-pjanijiet riveduti li “se jipprovdu aċċess iżjed sikur u dirett liċ-ċiklisti miż-żewġ naħat tat-triq, b’aċċess ħafif għas-Central Business District u f’ambjent sikur għaċ-ċiklisti tul l-Imrieħel.”
Rota qalet ukoll li l-pjanijiet riveduti juru li huwa possibbli li tingħata infrastruttura liċ-ċiklisti fl-istess pjan tat-triq, mingħajr ma jkollhom bilfors jidħlu marsusin ġo liftijiet u pontijiet u b’hekk jiġu evitati inkonvenjenti għall-iktar utenti vulnerabbli.
Il-MaYA Foundation, NGO attiva fil-biedja, laqgħet id-diskussjonijiet għar-reviżjoni tal-pjanijiet li għandhom isalvaw ħafna tmiem ta’ raba’ saqwi u tistenna bil-ħerqa li tiddiskuti l-proposti alternattivi f’termini ta’ impatti mill-materjal skavat.
“Il-ħtieġa għall-bini tal-infrastruttura tat-toroq għandha tiġi ġġustifikata minn provi xjentifiċi. Ħadd ma għandu juża l-fondi pubbliċi biex jiġi propost proġett ta’ impatt konsiderevoli mingħajr ebda ġustifikazzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk hemm xi pjanijiet għal skavar, għandu jsir magħruf fejn se jintrema dan il-materjal.”
Il-Moviment Graffitti talab ukoll lil kunsilli lokali oħra li qed jiffaċċjaw proġetti simili ta’ bini u żvilupp tat-toroq sabiex jingħaqdu flimkien u jipproponu alternattivi li jiżguraw li l-kwistjonijiet infrastrutturali jiġu ttrattati mingħajr ma tintilef il-kwalità tal- ħajja tar-residenti u l-bdiewa madwar il-gżira.
It-tliet NGOs huma dawn:
1. MaYA
2. Moviment Graffitti
3. Rota
//= $special ?>