Lokali

Abela jibqa’ jagħżel li ma jieħux azzjoni

Il-Prim Ministru Robert Abela għal darb’oħra qed ifalli milli jieħu azzjoni deċiżiva u ċara wara x-xhieda ta’ Vince Muscat il-Koħħu, illi fil-Qorti semma’ kif fil-Kabinett ta’ Robert Abela hemm Ministru li allegatament ħa sehem f’biċċa xogħol ta’ kriminalità organizzata flimkien mal-eks Deputat Mexxej Laburista u eks Ministru, Chris Cardona.

Fil-kummenti li ta s’issa lil ġurnalisti, Robert Abela insista li mhux ser ikun qed jieħu azzjoni sakemm il-Koħħu jiżvela l-isem eżatt ta’ dan il-Ministru. Dan filwaqt li fl-ebda mument ma ta indikazzjoni li kellem lill-Ministri tiegħu.

Abela saħaq li huwa infurmat li l-Koħħu, li ngħata maħfra Presidenzjali fuq il-kundizzjoni li jgħid il-verità kollha fuq kull każ kriminali li kien involut fih, ma jridx isemmi ismijiet.

U minflok ħass il-ħtieġa li jkellem lill-Kabinett tiegħu dwar dan is-suġġett tant sensittiv, is-sorsi tagħna fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista qed jgħidulna li Abela qed jipprova jirbaħ il-ħin.

Mistoqsi mill-ġurnalisti jekk la darba jsir magħruf isem il-Ministru hux ser ikun qed jieħu passi, huwa naqas milli jikkommetti ruħu.

Vince Muscat ġie kkundannat 15-il sena priġunerija b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia filwaqt li ingħata maħfra presidenzjali dwar l-irwol tiegħu fil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop, li seħħ lura fl-2015.

Mix-xhieda tal-Koħħu issa għaddew tlett ijiem.. u l-poplu Malti u Għawdxi għadu qed jistenna pożizzjoni konkreta minn naħa tal-Prim Ministru dwar dan id-dell tqil li hemm fuq il-Kabinett tiegħu.