Uffiċjali għolja tal-Istati Uniti u ċ-Ċina widdbu bl-aħrax lil xulxin waqt l-ewwel taħditiet ta’ livell għoli bejn il-Gvern tal-President Amerikan Joe Biden u l-amministrazzjoni komunista f’Beijing. It-taħditiet saru f’Anchorage, fl-Alaska – bl-Amerikani jakkużaw liċ-Ċiniżi ‘b’atteġġjament ta’ superjorità karatterizzat minn ftaħir’ u bid-delegati Ċiniżi jakkużaw lill-Istati Uniti dwar ‘inċitament biex il-pajjiżi jattakkaw liċ-Ċina.
Ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina jinsabu fi kriżi profonda – bl-Istati Uniti qed tkompli tattakka lil Beijing dwar it-trattament ‘inuman u degradanti’ tal-membri tal-komunità (Musulmana) tal-Uighur f’Xinjiang.
F’dawn it-taħditiet rabbjużi ħadu sehem is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken u l-Konsulent Amerikan dwar is-Sigurtà Nazzjonali, Jake Sullivan. Huma kienu qed jikkonfrontaw lill-Ministru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin, Wang Yi kif ukoll lil Yang Jiechi. l-aktar uffiċjal Ċiniż għoli b’responsabbiltà għall-politika barranija.
Ir-rappreżentanti Amerikani trattaw ukoll l-azzjonijiet ‘diskutibbli’ taċ-Ċina fir-rigward ta’ Hong Kong u t-Tajwan, flimkien mal-attakki ċibernetiċi ta’ dan il-pajjiż fuq l-Istati Uniti. Akkuża oħra involviet ‘ir-rikatt ekonomiku taċ-Ċina’ fil-konfront tal-alleati tal-Istati Uniti u li qed jhedded lill-istabbilità globali.
Min-naħa tiegħu Yang Jiechi akkuża lill-Istati Uniti dwar ‘l-użu żejjed ta’ saħħa militari’ flimkien ma’ ‘sfruttament tas-supremazija finanzjarja biex toħnoq lill-pajjiżi l-oħra’.Yang attakka wkoll lill-Istati Uniti dwar ‘id-drittijiet umani’ waqt li enfasizza ‘il-qtil tal-Amerikani suwed’.
Hawnhekk irribattih Jake Sullivan li sostna li għalkemm l-Istati Uniti mhix tfittex konflitt maċ-Ċina, lanqas mhi se żżomm lura milli tiddefendi l-prinċipji tal-Amerikani u l-alleati tagħha.
Minkejja l-arja ta’ ostilità, uffiċjali Amerikani li ma ssemmewx b’isimhom qalu li t-taħditiet bejn in-naħat li saru wara l-bibien magħluqa, aktar tard, kienu ‘ta’ sustanza, minbarra li serji u diretti’.
//= $special ?>