Ħafna għadhom jistaqsu x’kienet ir-raġuni li wasslet biex Keith Schembri kiser is-silenzju f’litanija twila ta’ 1,400 kelma fuq Facebook fejn ħabbar li l-Pulizija se jkunu qed jieħdu passi kontrih wara l-konklużjoni ta’ inkjesta mitluba mill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil 4 snin ilu.
Li naqas milli jgħid Schembri hu li immedjatament malli nduna li l-id tal-ġustizzja qed toqrob lejh hu ressaq talba quddiem il-Qorti Kostituzzjonali biex jiddikjara din l-inkjesta nulla.
1. Il-konklużjoni tal-inkjesta tirrakkomanda li jitqiegħed taħt att ta’ akkuża
Kien il-Ħamis waranofsinhar meta Schembri żvela li tħabbret il-konklużjoni tal-inkjesta Magisterjali dwar l-allegazzjonijiet ta’ eluf kbar li għaddew għand l-eks Direttur Manigerjali tat-Times Adrian Hillman – konklużjoni li tfisser illi hu se jkun mixli l-Qorti fil-jiem li ġejjin.
Fl-ebda mument Keith Schembri ma ċaħad l-allegazzjonijiet, iżda ħass biss il-ħtieġa li jiddefendi ismu.
2. Schembri ilu kważi xahar jiġi interrogat mill-Pulizija
Qalb id-diskors li għamel, Schembri żvela li ilu tiela u nieżel id-Depot tal-Pulizija għal dawn l-aħħar sitt xhur fejn kompla jgħid li l-aħħar tlett ġimgħat qattagħhom ġej u sejjer id-depot tal-Pulizija għal interrogazzjoni.
3. L-inkjesta kkonkludiet li Times of Malta ffrodat lil Malta Enterprise
Keith Schembri qal ukoll li din l-inkjesta qed tirrakkomanda li jittieħdu passi kriminali fil-konfront ta’ diriġenti ta’ Times of Malta għax il-konklużjonijiet tal-Maġistrat qed jgħidu li l-istess kumpanija ffrodat lil Malta Enterprise – dak iż-żmien taħt amministrazzjoni ta’ Gvern Nazzjonalista.

4. Jitħawwad bejn Schembri fin-negozju u Schembri fil-politika
Tul id-diskors tiegħu Keith Schembri wettaq kontradizzjoni politika waħda wara l-oħra fejn filwaqt li prova jbiegħed dan id-deal mix-xena politika – il-ħabib tal-eks Mexxej tal-Partit Laburista ħarbitlu minn moħħu li taħt ġurament fix-xhieda tiegħu fil-Qorti kien qal li ilu involut fil-politika sa mill-2008 – jiġifieri sa mill-bidu nett tat-tmexxija ta’ Muscat fit-tmun tal-labour.
5. Jammetti li saħħaħ ir-relazzjoni bejn il-Labour u t-Times
Keith Schembri prova jirbaħ is-simpatija tal-Laburisti billi pratikament saħaq li qed jaqbdu miegħu u mal-impjegati tiegħu għax sempliċiment Laburist – falla għal kollox milli jagħmel apoloġija mal-ħaddiema tiegħu li ġabhom f’tali sitwazzjoni. Dan filwaqt li bena pont ma’ Times of Malta sabiex jagħtu widen lill-Partit Laburista…kontradizzjoni assoluta li dan id-deal ma kellux x’jaqsam mal-politika.
6. Jattakka lill-Maġistrat, lill-Avukat Ġenerali u lill-Pulizija
L-eks Chief of Staff ta’ Muscat attakka lill-Maġistrat inkwerenti Natasha Galea Sciberras fejn saħaq li kellha letarġija kbira tul is-snin u f’daqqa waħda għandha enerġija qawwija sabiex tagħlaqha. Kritika lill-Korp tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali għax ma tawx aġġornamenti lill-pubbliku dwar l-inkjesta u attakka lil midja indipendenti.

7. Schembri jattakka lill-esperta tal-Qorti
Filwaqt li prova jbenġilha li qed jaqbdu miegħu għax għandu fehma politika Laburista – huwa nnifsu ħadha qatta bla ħabel kontra esperta mqabda mill-Qorti għax skont hu, għandha fehma politika differenti minn tiegħu. Dan hekk kif waħda mill-esperti mqabbda kienet Miroslava Milenkovic, Viċi President ta’ Partit Politika fis-Serbja li hija wkoll – ekonomista kif ukoll accountant forensiku li tispeċjalizza fil-qasam ta’ kontra l-korruzzjoni.

8. Jgħid li din kollha xeneġġata minħabba l-Moneyval
Huwa insista li l-konklużjonijiet tal-Maġistrat huma bbażati fuq informazzjoni ħażina biex jagħmlu ħaruf tas-sagrifiċju minnu biex il-pajjiż jidher sabih hekk kif qed toqrob il-konklużjoni tal-Moneyval.
Ta’ min wieħed jinnota li fil-bidu ta’ diskorsu huwa sostna li wara li rreżenja mill-pożizzjoni tiegħu ħaseb li kien ser jgħix ħajtu normali – minkejja li falla milli jgħid li r-reżenja waslet b’mod sfurzat wara lejl id-dar ta’ Joseph Muscat qalb l-allegazzjonijiet tal-involviment tiegħu fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
9. Jinsa jsemmi li l-mobile li ‘għosfor’ ftit tal-minuti qabel ma ħabtulu l-bieb tad-dar il-Pulizija
Tiftakru li l-Pulizija ma kienux sabu l-mobile ta’ Keith Schembri?
Interessanti wieħed jistaqsi jekk l-investigaturi irnexxielhomx jaslu għall-informazzjoni u l-komunikazzjonijiet kollha li kien fih dak it-telefown ċellulari.
Dwar dan, f’messaġġ ta’ 1,400 kelma, Schembri ma qal assulutament xejn.
