Coronavirus Internazzjonali

Covid-19: Il-pajjiżi tal-UE jerġgħu jibdew it-tilqim bil-vaċċin tal-AstraZeneca; lockdowns għall-Franċiżi u l-Pollakki

Numru ta’ pajjiżi Ewropej – fosthom il-Ġermanja, Franza u l-Italja – reġgħu bdew ilaqqmu lin-nies bil-vaċċin tal-Astra-Zeneca. Dan wara li r-regolaturi tal-European Medicines Agency (EMA) ma sabu l-ebda provi li l-vaċċin jikkaġuna t-trombożi fin-nies. Pajjiżi oħra li qed ikomplu bil-programmi tat-tilqim jinkludu l-portugall, il-Litwanja u l-Latvja — bl-Olanda u l-Spanja sse jerġgħu jibdew il-programmi tagħhom fil-jiem li ġejjin.

Madankollu, il-Ministru tas-Saħħa Ġermaniż, Jens Spahn, wissa li mhemmx biżżejjed vaċċini ‘għall-Ewropa’ biex jevitaw tielet mewġa tal-coronavirus, bil-każi tal-virus (b’mod notevoli l-varjanti) jiżdiedu fil-Ġermanja fl-aħħar ġimgħat.

Spahn sostna li ż-żieda fl-infezzjonijiet kapaċi tfisser li l-pajjiż jibqa’ lura mill-miżuri lejn il-ftuħ mill-ġdid tas-soċjetà fil-ġimgħat li jmiss. Hu ma eskludiex li l-Ġermanja tieħu miżuri ta’ emerġenza jerġa’ aktar drastiċi – bl-infezzjonijiet lokali qed jiżdiedu fuq livell allarmanti. L-awtoritajiet Ġermaniżi qed iħeġġu biex in-nies ma jivvjaġġawx matul il-btajjel tal-Għid fost twissija li l-Ġermanja ‘kapaċi tinsab fl-istess sitwazzjoni (kriżi) bħalma kienet fi żmien il-Milied’.

Sadanittant, il-Professur Andrew Pollard, il-Kap tal-Oxford vaccine group, qal li l-pajjiżi għandhom jikkonċentraw ‘fuq il-battalja kontra l-virus aktar milli fuq il-vaċċini li huma l-aktar strument importanti għall-kontroll tal-pandemija’.

Pollard irrepeta li l-EMA esprimiet fiduċja ċara li l-vaċċin tal-Astra-Zeneca ( u ta’ Oxford) mhux assoċjat mat-trombożi ( blood clots) bħalma ħasbu xi pajjiżi. Instab ukoll, issa, li l-parti kbira tal-blood clots (li huma rari għall-aħħar) kienu seħħew fi-nies taħt il-55 sena – bil-maġġoranza tagħhom ikunu nisa.

Fi żvilupp ieħor, il-Professur Neil Ferguson, li hu konsulent xjentifiku ewlieni għall-Gvern Brittaniku, qal li l-aħħar intoppi għall-provvisti tal-vaċċini fir-Renju Unit mhumiex se jaffettwaw daqstant id-distribuzzjoni (rollout) tal-vaċċini – bil-pajjiż xorta waħda jista’ ikompli bil-programmi tat-tilqim.

Franza, fis-sigħat li jmiss, se tibda lockdown limitat ta’ erba’ ġimgħat li jaffettwa mal-21 miljun ruħ f’16-il zona tal-pajjiż. Dan qed isir bil-għan li l-pajjiż jikkontrolla tielet mewġa tal-infezzjoni – biz-zoni taħt lockdown jinkludu Pariġi u l-madwar, ir-reġjun ta’ Hauts-de-France ( lejn il-grigal), partijiet tan-Normandija u reġjuni lejn  ix-xlokk ta’ Franza.

Il-ħwienet mhumiex essenzjali se jibqgħu magħluqin fi Franza iżda l-iskejjel għandhom ikomplu bil-lezzjonijiet. Madankollu in-nies fi Franza jistgħu joħorġu biss sa 10 kilometri ‘il hinn mid-dar biex jagħmlu l-eżerċizzju fil-miftuħ.   Anki millum, il-Polonja mistennija tħabbar lockdown parzjali

Il-Polonja wkoll mistennija tħabbar lockdown parzjali, fuq bażi nazzjonali, wara li rrankat it-tielet mewġa tal-Covid-19 u bil-pajjiż jirrapporta mas-26,000 każ ġdid f’24 siegħa…Ammont li jirrifletti żieda ta’ 38 fil-mija fuq l-ammont tal-każi rappurtati ġimgħa ilu. L-imwiet mill-virus fl-istess perjodu qabżu l-420 ( ‘il fuq ’19 fil-mija minn ġimgħa ilu), bl-awtoritajiet Pollakki jsostnu li ċ-ċifri huma dovuti għall-‘varjant Ingliż’ tal-virus.