Lokali

“Il-Politika hi għodda qawwija biex tagħmel il-ġid”

Il-Politika fiha ħafna sabiħ. Hi għodda qawwija biex tagħmel il-ġid u nappella biex min irid jagħmel id-differenza, ma jaqtax qalbu. Kliem l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi waqt intervista estensiva waqt il-programm L-Erbgħa fost il-Ġimgħa fuq l-istazzjon nazzjonali.

Intervista li matulha kienu trattati diversi episodji fil-karriera politika ta’ Lawrence Gonzi – Speaker tal-Parlament, Ministru tal-Politika Soċjali u Prim Ministru.

Lawrence Gonzi kien qed jirriferi għall-pożizzjonijiet li ħadet Malta fil-kriżi tal-Libja 10 snin ilu. F’mumenti diffiċli meta bdiet tikber il-pressjoni biex ikunu ritornati l-ajruplani militari li kienu niżlu f’pajjiżna.

Mument ieħor li kkaratterizza t-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi kienet il-mixja sabiex adottajna l-munita Ewro fl-2008. Hu stqarr li pajjiżna daħħal il-munita f’mument eżatt hekk kif ftit xhur wara, faqqgħet il-kriżi finanzjarja dinjija u pajjiżna kien isofri ferm iktar kieku ma laħħaqniex indaħħlu l-ewro.

Dwar il-Partit Nazzjonalista, Lawrence Gonzi fakkar kif f’dawn l-aħħar 50 sena, il-Partit Nazzjonalista biddel lill-pajjiż mill-għeruq u dejjem offra viżjoni. Din il-viżjoni irid iwessagħha, jissustanzjaha u jippreżentaha lill-poplu Malti. Mistoqsi dwar Bernard Grech, Lawrence Gonzi qal li għandu ammirazzjoni lejn il-Kapijiet kollha tal-PN, kemm dawk ta’ qablu kif ukoll dawk li ġew warajh għax jaf is-sagrifiċċji kbar li tirrikjedi din il-kariga. Hu qal li Bernard Grech qed jagħmel biċċa xogħol tajba u jidher li l-poplu qed jirreaġixxi għalih.

L-eks PM qagħad lura milli jikkummenta dwar il-kontroversji attwali.

Iżda dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Lawrence Gonzi qal li din hija ġerħa kbira fuq il-poplu u fuq il-pajjiż li nistgħu infiequ minnhom biss jekk issir ġustizzja sħiħa u nitgħallmu minn dan l-episodju ikrah biex ma nerġgħux naslu f’dawn il-livelli.