Lokali Qorti

Jitressaq il-Qorti wara li nqabad bid-droga Marsaskala

Raġel ta’ 29 sena minn Marsaskala li nhar l-Erbgħa li għaddew ġie arrestat wara li allegatament inqabad bid-droga, li kienet lesta għat-traffikar tressaq il-Qorti mixli bil-pusses mhux għall-użu personali ta’ droga kokaina u eroina.

Luke Grech ġie mixli quddiem il-Maġistrat Marse Anne Farrugia li wettaq dan ir-reat f’Marsaskala stess, meta l-Pulizija mid-Distrett kienet fuq ronda. Hija nnutat karizza suspettuża u twaqqfet.

Ix-xufier beda jaġixxi b’mod suspettuż, ma bediex jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija u saħansitra aggredihom u anki kkawżalhom ġrieħi ħfief. Huwa ġie mixli bi 12-il akkuża mill-Ispettur Clayton Camilleri.

Allegatament huwa nstab fil-pussess ta’ 39 borża kokaina u sustanza suspettati MDMA lesti biex jiġu ttraffikati, flimkien ma’ ammont ta’ flus kontanti.

Minn tfittxija oħra fir-residenza tiegħu, il-Pulizija sabet iktar mill-istess sustanzi, ammont ta’ flus kontanti u oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga. Grech ġie mixli li għall-ħabta tat-3.30pm. fi Triq id-Daħla ta’ San Tumas kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina u eroina f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għal użu tiegħu, li hedded Surġent u Kuntistabbli tal-Pulizija u li rreżista l-arrest.

Ġie mixli wkoll li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq Surġent u Kuntistabbli tal-Pulizija, li pprova jikkorrompihom b’wegħdiet li għamlilhom, li għamel ħsara għad-dannu tal-Kummissarju tal-Pulizija, li kiser il-paċi pubblika, li ħebb għal persuni nkarigati mill-liġi, li sar riċediv u li naqas li jobdi l-kundizzjonijiet mogħtija lilu mill-Qorti fuq każ ieħor.

F’Ġunju tal-2018 Luke Grech kien ukoll ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li kien ġie mixli li kien fil-pussess tad-droga kokaina u kannabis ukoll f’ċirkostanzi li ma kinux għall-użu personali tiegħu.

Iż-żagħżugħ dak inhar kien inqabad bi droga moħbija fil-partijiet privati tiegħu f’Marsaxlokk. Fi tfittxija li saret fuqu, il-Pulizija kienet sabitlu 22 borża droga kokaina u borża oħra li kien fiha sitt grammi kannabis. Huwa kien ukoll qed iġorr fuqu aktar minn elf ewro.

Il-Pulizija kienu sabulu wkoll borża oħra bl-ecstasy fil-karozza tiegħu waqt li seba’ grammi oħra nstabu f’garaxx. Fil-każ reċenti huwa ngħata l-libertà proviżorja garanzija personali ta’ €20,000 li għaliha irid jidħollu xi ħadd li jagħmel tajjeb għalih.

Huwa kien ordnat ukoll li jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħaż-Żabbar u li ma joħroġx mid-dar bejn l-10.00pm u s-6.00am. Għalih deheru l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.