Sorsi mid-Depot ikkonfermaw ma’ Net News illi l-eks Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri se jkun qed jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin. Jidher li l-Pulizija se tipproċedi mhux biss kontra Schembri, iżda anke kontra numru ta’ persuni oħra.
L-akkużi huma dwar tixħim ta’ eluf ta’ ewro, f’każ illi fih allegatament hemm imdaħħal ukoll l-eks Direttur Maniġerjali tat-Times Adrian Hillman.
Schembri se jkun mixli l-Qorti wara li ġiet konkluża l-inkjesta mitluba mill-eks Kap tal-PN Simon Busuttil.
Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, il-PN kien talab il-pubblikazzjoni immedjata u sħiħa ta’ din l-inkjesta dwar Schembri u Hillman. L-allegazzjonijiet iduru ma’ €650,000 li allegatament għaddew bejn Schembri u l-eks Direttur Maniġerjali tat-Times.

Kien lura fl-2017, ftit qabel l-elezzjoni ġenerali, meta inkixfu r-rabtiet bejn Hillman u Schembri.
Effettivament din il-ħbiberija tmur lura għall-2011 (u anke qabel) meta twaqqfu kumpaniji sigrieti fil-British Virgin Islands. F’dak l-istess żmien, il-kumpanija Kasco lestiet ix-xogħol li sar fuq il-binja l-ġdida tat-Times fl-Imrieħel.
Il-kumpaniji kienu jġibu l-isem ta’ Colson Services (ta’ Keith Schembri), Lester Holding (ta’ Adrian Hillman) u Selcon Holding (ta’ Malcolm Scerri li kien ħa f’idejh il-Grupp Kasco).
Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT kienu responsabbli mix-xogħol biex infetħu dawn il-kumpaniji sigrieti.
Id-dokumenti żvelati mill-Panama Papers juru li għaddew eluf kbar tramite dawn il-kumpaniji. Dokumenti oħra li ġew illikjati f’Mejju tal-2017 jikkonfermaw il-pagamenti li ħareġ Keith Schembri lill-eks Direttur tat-Times.
Wieħed irid ifakkar ukoll illi ftit xhur wara li ġew żvelati dawn l-istejjer ta’ tixħim, il-pubblikaturi tat-Times of Malta u Adrian Hillman kienu laħqu ftehim u waqqgħu l-każi li kienu fetħu kontra xulxin. Fi stqarrija maħruġa dakinhar, Schembri – li jiddeskrivi lilu nnifsu bħala tifel Laburista – kien qal li dan il-ftehim huwa “prova tal-kampanja diżonesta fil-konfront tiegħu”.
U issa, Keith Schembri qed jgħid b’qalb sewda li “dawn l-akkuzi għandhom warajhom id moħbija” li trid tagħmel ħsara lill-Partit Laburista u lill-Gvern preżenti.
//= $special ?>