Lokali

“Minflok kissirni, il-bullying saħħaħni fi sfida miegħi nnifsi”

Jirnexxilha titlef kważi 30kg fi żmien xahrejn!

“Ħoxna”
“Baqra”
“Ħanżir”

Dan hu wħud mid-diskors li tisma’ waqt li tkun miexja fit-triq għall-affari tagħha minn nies li lanqas biss tkun taf jew qatt rat f’ħajjitha… dan kollu minħabba l-piż żejjed tagħha.

Din hi l-istorja ta’ Celine Agius li minn mindu kienet żgħira kienet tisma’ dan it-tip ta’ diskors li jweġġa’ tant li inkonxjament kienet daħlitha f’moħħha li jiġri x’jiġri tort tagħha għax ħaddieħor ġielha tħossha barranija f’ġisimha stess.

Net News tkellem ma’ Celine fejn qaltilna iżjed dwar dak li għaddiet minnu.

“Inti dejjem trid turi li kollox sew u li inti b’saħtek,” qalet Celine. “Iżda fil-verità, meta tkun waħdek il-weġgħa xorta tħossha. Biż-żmien dan kollu beda jaffetwali is-self esteem. Madanakollu, barra li għandi bżonn nitlef il-piż, kien wasal iż-żmien li ngħid li jien kapaċi nkun aħjar.”

Kien ftit tax-xhur ilu meta ddeċidiet li tbiddel ħajjitha hekk kif il-piż żejjed kien qed jaffetwa lil saħħitha.

“Kelli problemi f’saħti,” qalet Celine. “It-tabiba qaltli li għandi bżonn nagħmel bidla immedjatament għal saħti. Iddeċidejt li nibda bil-mod dan il-vjaġġ wara ħafna snin. Ħassejt li għadni żgħira u għalhekk hemm bżonn nagħmel xi ħaġa issa.”

Iżda minkejja li kemm-il darba semgħet kliem li jweġġgħu fil-konfront tagħha, hi sabet il-kant li għinha tinsa dak li jsewdilha qalbha.

“Inħossi li l-iktar li jirnexxili nesprimi lili nnifsi hu bil-kant,” qalet Celine. “Hu mod kif tistrih minn din id-dinja. Anzi kienet alternattiva biex naħrab minn dak li għaddejja minnu.”

Ħafna jiġu mgħajra għal bosta affarijiet. Minn naħa ta’ Celine, U ma jistax jonqos li Celine għaddiet messaġġ lil dawk li jgħajru lil ħaddieħor bid-difetti, anke jekk dawn isiru b’ċajta. “Ħafna jiġu mgħajra għal bosta affarijiet. Ma’ ħaddieħor kont ngħid li ma jaffetwawnix dawn it-tip ta’ kummenti iżda fil-verità nħosshom. Ovjament, kont nipprova ma nagħtix kashom iżda mhux faċli. Anke jekk tinbidel, deep down, f’moħħok tisma’ dak l-eku ta’ kliem li jibqa’ bħal trawma.”

“Noqgħodu attenti ħafna għax mhux kulħadd jieħodha bl-istess mod,” qalet Celine. “Hawn min jieħodha ħażin ħafna tant li twassal għal affarijiet serji bħal suwiċidji. Niżnu l-kliem. Il-kliem jista’ jfarrak u jista’ jibni.”

Celine saħqet li tinsab determinata u insistiet li din il-ħidma ċertament ‘il quddiem se tissarraf f’ħajja aħjar. Fil-fatt, mhux l-ewwel darba li ħarġet mixja ta’ rutina u tgħaddi minn ħdejn xi vann qed ibigħ l-imqaret. L-aptit ikun li tiekol kull imqaret li ssib f’dak l-imbierek vann. Iżda le! Hi taħseb fil-mira tagħha u tibqa’ miexja.