Internazzjonali

Suluhu Hassan: Il-Presidenza tat-Tanżanija tgħaddi f’idejn mara

Samia Suluhu Hassan qed tmexxi lit-Tanżanija bħala President ġdid u meta hi saret ukoll l-unika mara li, attwalment, qed tokkupa l-kariga ta’ Kap ta’ Stat fil-kontinent Afrikan.  Dan meta l-President tal-Etjopja, Sahle-Work Zewde, li ilha President tal-Etjopja minn Ottubru tal-2018, qed taqdi biss kariga fil-parti kbira ċerimonjali.

Intant, Hassan – l-eks Viċi-President tat-Tanżanija u li laħqet President wara l-mewt (bil-Covid), din il-ġimgħa, tal-President John Magufuli —  issieħbet ma’ lista żgħira ta’ nisa Afrikani li mexxew pajjiżhom tul is-snin. Skont il-kostituzzjoni tat-Tanżanija, Samia Suluhu Hassan, li għandha 61 sena, għandha sservi l-kumplament tal-mandat ta’ ħames snin bħala President.

Hi kienet eletta għall-ewwel darba f’kariga pubblika fl-2000 u kisbet prominenza fuq bażi nazzjonali 14-il sena wara bħala l-viċi-chairperson tal-Assemblea Kostituzzjonali li twaqqfet biex timplimenta kostituzzjoni ġdida għat-Tanżanija.