Lokali Saħħa

Tensjoni bla bżonn fuq it-tobba tal-kura primarja

“Nistgħu nagħmlu l-istess xogħol mingħajr ma nkunu ċorma f’kamra”

Hekk kif is-sitwazzjoni tal-pandemija qed tkompli toħloq pressjoni kbira fuq is-servizzi tas-saħħa, bit-tobba, infermiera u ħaddiema fis-settur jaħdmu bla waqfien, deċiżjonijiet min-naħa tal-amministrazzjoni fis-settur qed tkompli toħloq pressjoni u stress bla bżonn fuq dawn il-ħaddiema.

Il-ġurnal In-Nazzjon jinsab infurmat li fl-aħħar jiem, tobba li jaħdmu fis-settur tal-Kura Primarja ingħataw ordni biex dawk li jaħdmu fil-kliniċi jibdew jagħtu għajnuna wkoll lil dawk it-tobba li qed jaħdmu fuq telemedicine u anke contact tracing. Dawn it-tobba li whud minnhom huma meqjusa vulnerabbli qed jaħdmu minn post fil-Mosta Technopark.

Sorsi qrib il-ġurnal spjegaw li l-ordni li ngħatat kienet dik li tabib mir-reġjun tat-tramuntana, dak ċentrali u dak min-nofsinhar jibda jagħti l-għajnuna lill-kollegi tiegħu biex itaffu xi ftit tal-pressjoni li l-contact tracing qed toħloq fuq dawk it-tobba li kienu qed jaħdmu minn dan iċ-ċentru fil-Mosta.

Is-sorsi spjegaw li filwaqt li dawk it-tobba li se jittieħdu miċ-ċentri tas-saħħa huma lesti jgħinu lill-kollegi tagħhom, ma jistgħux jifhmu din l-ordni, li biex jgħinu lill-kollegi tagħhom dawn għandhom bil-fors imorru l-Mosta. Dan għaliex din is-sitwazzjoni qed tpoġġi f’riskju ikbar li jkompli t-tixrid tal-virus tal-COVID-19.

Jidher li t-tobba li se jkunu qed jagħtu l-għajnuna qed jitolbu biex minflok ikun hemm dan it-taħlit ta’ persuni f’kamra waħda fil-Mosta, huma jibqgħu jagħmlu l-istess xogħol mill-klinika fejn qed jaħdmu llum u b’hekk jevitaw li jkun hemm kuntatt bla bżonn. Is-sorsi tagħna qalulna li dan it-tip ta’ xogħol jista’ jsir b’sempliċiment laptop u mobile telephone.

In-Nazzjon irrapporta li din l-ordni tikser ukoll id-direttiva li l-Gvern ta lill-impjegati tiegħu li jistgħu jagħmlu teleworking. Dan għaliex dan ix-xogħol li qed jintalab mit-tobba faċilment jista’ jsir mid-dar jew mill-klinika fejn qed jaħdmu attwalment.