“Nippretendu li jkun hemm pjan imfassal aħjar. Wara sena saret riċerka u rajna x’għamlu pajjiżi oħra. Dan filwaqt li s-servizzi essenzjali, kemm għat-tfal u għall-adulti, kienu l-aħħar li għalqu f’pajjiżi oħra”
Kien dan il-messaġġ li twassal mill-President tal-Għaqda Nazzjonali tal-ġenituri li għandhom tfal b’diżabbiltà, Marquita Mangiafico, f’intervista waqt il-programm Net Live ippreżentat minn Robert Cremona, fejn saħqet li minkejja li għaddiet sena baqa’ ma sar xejn għal studenti li għandhom xi diżabbiltà.
Hi spjegat għaliex b’mod speċjali tfal b’diżabbiltà intelletwali jkollhom għadd ta’ sfidi fit-tagħlim, u jsibuha ferm iktar diffiċli meta t-tagħlim isir permezz tat-teknoloġija.
“Persuna li għandha mġieba diffiċli mhux se jkollha l-LSE biex iżżomm l-istudent iffukat fuq il-lezzjonijiet,” qalet Mangiafico. “Dan ma jistax isir online.”
Dan it-tibdil li ġabet magħha l-pandemija qed iwassal biex titħarbat ir-rutina tant essenzjali.
“Il-fatt li nqata’ il-kuntatt man-nies u nbdilet ir-rutina taffetwa ħażin,” qalet Mangiafico. “Taffetwa lilna l-adulti aħseb u ara kemm se taffetwa lil dawn il-persuni li ma jifhmux x’inhu għaddej.”
Mangiafico saħqet li hemm bżonn li pajjiżna jimplimenta dak li tgħallimna fl-aħħar sena biex tfal b’diżabbiltà intelletwali ma jibqgħux ibatu.
“Nitolbu li l-awtoritajiet jisimgħu u jinvolvuna iżjed,” qalet Mangiafico. “Nisperaw li dak kollu li tgħallimna s-sena l-oħra ma ndumux ma nimplimentawh.”
//= $special ?>