Lokali

“Abela għandu jieħu azzjoni immedjatament” – George Vital Zammit

“Jekk membru tal-Gvern huwa mdaħħal f’reat kriminali, din ma tkun xejn ħlief daqqa ta’ ħarta oħra għal min stenna “l-aqwa Kabinett fl-istorja”.

Hekk saħaq il-lettur fl-Università ta’ Malta George Vital Zammit f’post fuq il-media soċjali fejn irrefera għal dak li ġie żvelat fil-Qorti din il-ġimgħa…. meta Vince Muscat il-Koħħu, taħt ġurament, allega li apparti l-involviment tal-eks Ministru Chris Cardona illi kien jaf bil-pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia…. hu jaf b’Ministru ieħor illi kien involut f’biċċa xogħol kbira li saret snin ilu.

Fil-post tiegħu George Vital Zammit qal li bħalissa ninsabu f’sitwazzjoni surreali hekk kif hemm allegazzjoni li xi ħadd fl-eżekuttiv tal-Gvern Laburista kien kompliċi f’reat kriminali li seta’ kellu konsegwenzi gravi ħafna. Huwa jkompli jgħid li hija biss b’xorti tajba li ma miet ħadd fl-attentat ta’ hold-up fuq l-HSBC illi kien sar fl-10 ta’ Ġunju tal-2010 …fejn ġew sparati 17-il tir u ntlaqtet karozza tal-pulizija kif ukoll showroom fil-viċin.

 “Possibli li sirna daqhsekk qisu xejn mhu xejn li nippermettu allegazzjoni bħal din?”, jistaqsi George Vital Zammit. Pajjiżna qatt ma jista’ jaċċetta sitwazzjoni fejn politiku  u wisq aktar persuna li tifforma parti mill-Eżekuttiv tal-pajjiz, seta’ kellu konnessjoni ma’ reat kriminali ta’ dil-portata.

George Vital Zammut ikompli jgħid li l-Prim Ministru għandu jaġixxi immedjatament sabiex dan id-dubju jitneħħa, u l-politiku kkonċernat, jekk innoċenti, inaddaf ismu u jkun jista’ jkompli bil-ħidma. Jekk din m’hi xejn ħlief qlajja bla bażi, għandha ssir apoloġija lejn min qed jissemma’.

Iżda jekk membru tal-Gvern huwa mdaħħal f’reat bħal dan, din ma tkun xejn ħlief daqqa ta’ ħarta oħra għal min stenna “l-aqwa Kabinett fl-istorja”, itemm jgħid Vital Zammit.