Lokali

Il-Koħħu jitlob ‘Maħfra Presidenzjali’ fuq każi oħra

Net News jista’ jikkonferma li Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu talab ‘Maħfra Presidenzjali’ oħra b’rabta ma’ każi oħra li seħħew fil-passat.

Din il-talba waslet għand il-President ta’ Malta George Vella fl-aħħar sigħat u qed issir mill-Koħħu b’rabta ma tliet każi separati li seħħew f’pajjiżna fl-aħħar snin.

Vince Muscat qed jagħmel din it-talba biex ikun jista’ jagħti informazzjoni dwar dawn il-każi li s’issa għadhom miftuħa bi ftit li xejn dettalji dwarhom.

Meta din it-talba waslet għand il-President, Net News għadu qed jistenna konferma jekk l-istess talba waslitx għand il-pulizija u l-Prim Ministru Robert Abela fejn imbgħad fil-Kabinett, normalment din it-talba tkun diskussa qabel tittieħed deċiżjoni.

Fl-aħħar ġimgħat, il-Koħħu wieġeb ħati ta’ involviment fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, delitt li tiegħu weħel 15-il sena ħabs. Dan filwaqt li ngħatatlu ‘Maħfra Presidenzjali’ b’rabta mal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop, delitt li seħħ fl-2015 f’Birkirkara.

Sussegwentament, Vince Muscat beda jixhed fil-Qorti u tkellem ukoll dwar diversi każi fejn fost l-oħrajn semma’ lill-eks Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona meta tkellem dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Muscat semma’ wkoll Ministru preżenti fil-Kabinett ta’ Robert Abela b’rabta ma’ każ ieħor li seħħ numru ta’ snin ilu f’pajjiżna.