Keith Schembri ta’ 45 sena u sħabu Brian Tonna ta’ 56 sena u Karl Cini ta’ 46 sena huma fost 10 persuni, tmien irġiel u żewġ nisa li kollha ntbagħtu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li ġew akkużati quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea b’rabta ma’ reati ta’ korruzzjoni, frodi, u ħasil ta’ flus konsistenti f’aktar minn nofs miljun ewro. L-akkużati tressqu l-Qorti f’ erba’ gruppi.
Kien biss Vincent Buhagiar, l-eks Direttur Maniġerjali tat-Times li ngħata l-libertà proviżorja mill-11 li tressqu l-Qorti fuq depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €40,000.
l-persuni akkużati kollha wieġbu mhux ħatja bil-Qorti ma tilqax it-talba tagħhom għal libertà proviżorja. L-akkużati huma; Keith Schembri, missieru Alfio Schembri, Brian Tonna, Karl Cini, Malcolm Scerri, Robert Zammit, Manuel Castagna, Katrin Bondin Carter, Matthew Pace, impjegat u Lorraine Falzon f’isem il-kumpanija Zenith, li spiċċat imbikkma u Vince Buhagiar, eks Direttur tal-Allied Newspapers Limited.
Dan tal-aħħar li għandu 73 sena, ġie mixli wkoll b’ħasil ta’ flus, li assoċja ruħu ma’ persuni oħra biex iwettaq reat f’Malta, frodi, dikjarazzjoni falza lil awtorità pubblika, fosthom lid-Dwana u lil Malta Enterprise Korruzzjoni.
Inħarġu wkoll akkużi kontra 20 kumpanija li jinkludu lin-Nexia BT u kumpaniji oħra ta’ Keith Schembri fejn ġie ordnat ukoll li jiġu ffriżati l-assi kollha tal-akkużati. Il-eks Direttur tal-Allied Newpapers Adrian Hillman li jinsab l-Ingilterra mistenni jitressaq il-Qorti mal-wasla tiegħu f’Malta.
Minbarra frodi u ħasil ta’ flus Keith Schembri ġie akkużat li ta xhieda falza u li wettaq korruzzjoni. Miegħu tressaq ukoll missieru Alfio Schembri ta’ 72 sena u Malcolm Scerri. Huma ġew mixlija b’ħasil ta’ flus, li assoċjaw irwieħhom ma’ persuni bil-għan li jwettqu reat u reati oħra marbuta ma’ kontabbiltà u frodi.
Ma’ Keith Schembri u missieru tressaq ukoll Robert Zammit ta’ 39 sena bl-istess akkużi, b’Zammit jiġi mixli wkoll bi ksur tad-dmirijiet tiegħu bħala awditur jew accountant u li għamel dikjarazzjoni falza lil awtorità pubblika Keith Schembri u Malcolm Scerri ta’ 55 sena, li huwa inġinir ġew mixlija wkoll b’korruzzjoni.
Hawn issemmew il-kumpaniji f’isem Kasco Holdings Limited u GSB li jgħajjtu lil Alfio Schembri li mhuwiex ħati lanqas fuq dawn. Malcolm Scerri f’isem Kasco Limited u Kasco Engineering Company Limited wieġeb ukoll mhux ħati.
L-ewwel ma tressqu kien grupp ta’ erba’ persuni. Brian Tonna, Karl Cini, Manuel Castagna, li kien jieħu ħsieb l-awditjar f’Nexia BT, flimkien ma’ Katrin Bondin Carter ta’ 38 sena li fil-Qorti qalet li taħdem għal rasha.
Huma ġew mixlija wkoll b’atti ta’ ħasil ta’ flus filwaqt li Tonna u Cini waħedhom li assoċjaw ruħhom ma’ persuni oħra bil-għan li jwettqu att kriminali, u li flimkien ma’ Castagna għamlu dikjarazzjoni falza fil-konfront ta’ awtorità pubblika.
It-tliet irġiel kienu akkużati wkoll bi ksur ta’ dmirijiet ta’ accountants jew awdituri u bi frodi. Bondin Carter wkoll kienet akkużata li għamlet dikjarazzjoni falza.
Wara tressqu Lorraine Falzon u Matthew Pace li ġew akkużati wkoll bi prattikament bl-istess akkużi tat-tmienja l-oħra. U finalment għalih waħdu tressaq Vince Buhagiar.
Ħabs mimli COVID-19
L-Avukat tiegħu Veronique Dalli qalet li l-akkużi ta’ Buhagiar mhumiex l-istess akkużi tal-10 persuni l-oħra. Qalet li dan ma ħa l-ebda ġurament falz u dak li qed jiġi attribwit lilu mhuwiex fl-istess skala.
Qalet li l-klijent tagħha m’għandux kumpaniji barranin u lanqas huwa xi accountant. Tenniet li huwa għandu 73 sena u li dalwaqt se jkollu jagħmel intervent kardijaku fi ftit ġimgħat oħra. L-Avukat Dalli qalet, “għandna ħabs mimli COVID-19″ u Buhagiar huwa persuna vulnerabbli.”
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat ukoll li Buhagiar jingħata l-pleġġ fejn tenniet li l-Maġistrat Inkwerenti għamlet xogħolha sew. Huwa kellu rwoli differenti mat-Times fejn ittradixxa lill-kumpanija fis-settur privat, li għandu wkoll akkużi ta’ ħasil ta’ flus, u ngħad li mhux minnu li r-reati li kkommetta huma anqas gravi.
Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li meta Buhagiar kien Direttur Maniġerjali, huwa għażel li jittradixxi l-fiduċja li l-impjegati tal-Allied News li kienu urew fih billi wettaq dan ir-reati. Qalet li meta wettaq dan ir-reat kellu 64 sena u messu qatt ma ttradixxa lill-employer tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll fil-Qorti li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u mhux eskluż li jitressqu aktar persuni b’rabta ma’ dan il-każ liema persuni bħalissa għadhom qegħdin jiġu mitkellma. Il-Maġistrat Galea laqgħet l-unika talba f’dan il-każ bl-10 l-oħra jinżammu arrestati.
Persuni oħra qed jiġu nvestigati
L-Avukat Elaine Merceica Rizzo għal każijiet kollha qalet li wħud mill-akkużati għandhom assi barra minn Malta, u dan speċjalment dwar it-tieni inkjesta li saret quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, u apparti hekk qalet ukoll li wħud mill-akkużati huma qrib ħafna ta’ persuni terzi li għadhom qed jiġu investigati.
Fil-konfront ta’ Keith Schembri l-Avukat Edward Gatt staqsa lill-Prosekuzzjoni dwar perjodu speċifiku tal-investigazzjoni fuq ix-xiri tal-magni tat-Times of Malta u staqsa x’dati jeżistu, bit-tweġiba tkun li dan imur lura għall-2010, u anke qabel.
L-Avukat Gatt qal li l-akkużati għandhom kollox Malta, u x’se jieħu wieħed billi jżomm lil dawn in-nies arrestati. Tenna li Alfio Schembri m’għandux jinżamm arrestat peress li hu anzjan.
Kompla li veru l-pożizzjoni tal-akkużati nbidlet, imma kieku riedu jaħarbu, dawn setgħu telqu qabel ma l-inkjesta ngħalqet u nħarġu l-akkużi. “Kieku ried jaħrab se jagħmilha illum?, kompla l-Avukat. Huwa semma wkoll il-preskrizzjoni. L-Avukat Elaine Mercieca Rizzo ma qablitx li hemm xin tip ta’ preskrizzjoni.
Fil-każ tal-ewwel erba’ rġiel li tressqu, d-Difiża talbet lill-Prosekuzzjoni jekk hijiex f’kundizzjoni li tikkwantifika l-ammonti relatati mal-akkużi inkwistjoni.
L-Avukat Elaine Mercieca Rizzo għall-Prosekuzzjoni qalet li mhix f’pożizzjoni li tippreċiża l-ammonti, madankollu dan jaqbeż in-nofs miljun ewro sew. Id-difiża oġġezzjonat fuq l-iffriżar tal-assi iżda l-Qorti tordna l-iffriżar tal-assi mhux biss tal-akkużati iżda wkoll tal-kumpaniji li huma relatati magħhom.
L-investigazzjonijiet bdew minn inkjkesti ta’ Simon Busuttil
Ħareġ li l-investigazzjonijiet kienu bdew f’Mejju tal-2017, minn rikors li kien ippreżenta Simon Busuttil, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni. It-tieni nkjesta nbdiet ukoll fuq rikors ta’ Busuttil.
Dwar l-kumpaniji barra minn Malta fejn l-Avukat Stephen Tonna Lowell jgħid li numru ta’ kumpaniji li jissemmew huma magħluqin, fosthom Willerby Tradings. Il-Prosekuzzjoni qalet li m’għandhiex informazzjoni.
Tonna Lowell jgħid lill-Qorti li Tonna u Cini ma kinux involuti fit-tieni inkjesta, dik dwar ħasil ta’ flus bejn Keith Schembri u Adrian Hillman f’isem Kasco u Progress Press. Tenna li dawn saru jafu biha fl-aħħar ġranet.
L-Avukat Franco Debono staqsa lill-Prosekuzzjoni meta kellem lil Katrin Bondin Carter l-ewwel darba, bit-tweġiba dejjem tkun li kellimha l-ewwel darba bejn tliet ġimgħat jew xahar ilu. L-akkużi kontriha saru relatati mal-inkjesta tal-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.
L-Avukat Debono qal li l-klijenta tiegħu m’għandhiex kumpaniji barranin u għandha rabtiet qawwija ma’ Malta. “Jiena tajt il-Police Bail qed tgħid il-Prosekuzzjoni, imma l-Qorti ma tistax tagħti l-bail”, qal l-Avukat.
L-Avukat Mercieca Rizzo qalet li l-Prosekuzzjoni mhix toġġezzjona għall-fatt li l-akkużati kienu fuq police bail u mxew magħha, madankollu dak iż-żmien kienu investigati u llum jinsabu akkużati.
L-Avukat ikkritika bil-qawwa kollha lill-Prosekuzzjoni talli ressqet lill-akkużati qabel ma tingħalaq l-investigazzjoni, u dan meta l-police bail seta’ ġġedded.
L-Avukat Michael Scriha qabel ma’ dak kollu li qal l-Avukat Stephen Tonna Lowell u qal li fil-każ tal-klijent tiegħu, Manuel Castagna, l-unika problema kienet li kien direttur ta’ kumpanija.
Il-Qorti taqbel li llum huma akkużati u mhux suspettati u ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Brian Tonna wieġeb ukoll wieġeb mhux ħati f’isem il-kumpaniji Nexia BT, Nexia BT Limited, BT International Limited, Nexia BT Advisory Services Limited, BTI Services Limited, SPX u Willerby Trading. Beverly Tonna, f’isem KP Holdings Limited, tgħid li mhix ħatja.
Fost l-akkużi mressqa fil-konfront ta’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat huma b’rabta dwar l-inkjesta Maġisterjali mitluba mill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busutil,
Dan dwar talbiet ta’ tixħim li jinvolvu l-eks direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers, Adrian Hillman, li kellu jitressaq ukoll il-Qorti iżda fil-preżenti jinsab l-Ingilterra fejn ilu hemm ix-xhur.
Ħlas minn Schembri lil Hillman
L-akkużi jiġu wara l-konklużjoni ta’ inkjesta maġisterjali dwar allegazzjonijiet li Schembri ħallas lil Hillman xi €650,000 f’tixħim bejn l-2011 u l-2015.
Il-Pulizija nvestigat lil Schembri u persuni oħra li tressqu l-Qorti fuq ħlasijiet ġew mgħoddija permezz ta’ kumpaniji u kontijiet offshore, lill-kumpanija rreġistrata ta’ Hillman, Lester Holdings.
Il-Grupp Kasco ta’ Keith Schembri kien rebaħ sejħa għall-offerti kompetittiva biex jipprovdi lill-Progress Press ta’ Allied Group fi stamperija l-ġdida li tiswa’ miljuni ta’ euro fl-2010.
L-inkjesta Maġisterjali rrakkomandat li tittieħed azzjoni kriminali kontra d-Diretturi ta’ Allied Newspapers, peress li l-Maġistrat inkwirenti iddeċiediet li l-kumpanija tal-media wettqet frodi fil-konfront tal-Malta Enterprise.
L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busutill kien sostna li Keith Schembri uża l-kumpanija minn Ġibiltà Malmos u diversi kontijiet bankarji fl-Iżvizzera ukoll f’Ġibiltà, kif ukoll il-kont bankarju Pilatus tiegħu, biex jgħaddi l-flus lil Hillman jew lill-kumpanija offshore ta’ Hillman, Lester Holdings.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Elaine Mercieca għall-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Frank Anthony Tabone, Joseph Scerri u Anne Marie Xuereb. Għal Keith Schembri qed jidhru l-Avukati Edward Gatt, Mark Vassallo u Ishmael Psaila.
Il-kontrollur finanzjarju ta’ Nexia BT Katrin Bondin Carter kienet difiża mill-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia. L-Avukati Stephen Tonna Lowell u Giannella De Marco deheru għal Brian Tonna u Karl Cini, Manuel Castagna ġie difiż minn Michael Sciriha u Matthew Xuereb.
L-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, Ishmael Psaila u Shaun Zammit. għal Keith Schembri, Alfio Schembri, Robert Zammit, Malcolm Scerri, Matthew Pace u Lorrane Falzon.
Għal Vince Buhagiar deheru l-Avukati Veronique Dalli u Dean Hili. Preżenti fl-awla kien hemm ukoll l-Avukati Therese Comodini Cachia u Karol Aquilina kif ukoll ħut Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>