Manchester City żammew ħajjin it-tamiet għal ‘quadruple’ storiku (Premier Ingliż, FA Cup, League Cup u Champions League) b’rebħa diffiċli fuq Everton, 2-0, f’Goodison Park. Intant is-Citizens kellhom jistennew sal-aħħar sitt minuti tal-konfront biex jibbukkjaw post fis-semi-finali tal-FA Cup (għat-tielet staġun konsekuttiv) u fejn irnexxielhom ikissru r-reżistenza determinata tat-Toffees proprju f’ħin meta l-logħba dehret riesqa lejn il-ħin barrani.
City kellhom il-maġġoranza tal-pussess tul il-logħba iżda Everton iddefendew b’għaqal u anki kienu perikolużi bil-kontra-attakki. L-aktar azzjoni perikoluża tat-Toffees waslet fl-ewwel taqsima minn azzjoni ta’ korner meta Yerry Mina ra d-daqqa ta’ ras tiegħu maqlugħa minn fuq il-linja minn Zinchenko. Iżda mhemmx dubju li Joao Virginia ta’ Everton kellu x’jagħmel aktar miż-żewġ gowlkipers u fejn hu wettaq is-save tal-logħba fuq ix-xutt ta’ Sterling li kien destinat għal ġewwa.
Madankollu, il-‘breakthrough’ għal City wasal fl-84 minuta meta x-xutt ta’ Aymeric Laporte ħabat ma’ difensur ta’ Everton u stampa mal-lasta – b’Ilkay GUNDOGAN jirreaġġixxi minnufih biex isib ix-xibka b’diving header. Everton ma kellhomx tweġiba u s-sostitut Kevin de BRUYNE ikkonkluda l-impenn b’azzjoni personali u xutt qawwi għar-rokna li ma l-ebda ċans lil Virginia għat-2-0.
Southampton insew il-problemi li qed jiffaċċjaw fil-Premier League b’rebħa komda, 3-0, fuq Bournemouth ( ta’ The Championship) fis-South Coast derby fejn is-Saints urew is-superjorità ‘netta fuq l-avversarji. Għalkemm tilfu 10 mill-aħħar 12-il logħba fil-kampjonat, Southampton dehru ferm motivati għal dan il-konfront – bl-akbar sors ta’ ispirazzjoni jkun Nathan Redmond li skorja darbtejn u provda assist għall-gowl l-ieħor.
Mill-banda l-oħra, Bournemouth, li qed jittamaw li jirritornaw mill-ġdid fl-ogħla diviżjoni, dehru neqsin mill-ideat għal ħafna ħinijiet u rari ħabbtu lil Fraser Forster fil-lasta tas-Saints. Southampton marru fil-vantaġġ fis-37 minuta meta Redmond għadda ballun perfett lil Moussa DJENEPO (37) li għeleb lil Asmir Begovic b’kalma kbira. Is-Saints imbagħad irduppjaw minn REDMOND fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima biex prattikament ibbukkjaw posthom fis-semi-finali ta’ din il-kompetizzjoni. Filwaqt li dawn il-gowls taw grinta partikulari lis-Saints, Bournemouth – li kellhom numru ta’ plejers regolari neqsin – ma setgħux iwettqu reazzjoni u Southampton baqgħu jiddominaw il-pussess sat-tmiem. Fil-fatt, is-Saints għamluhom tlieta wara siegħa logħob, b’Redmond, il-plejer tal-logħba, jixħet ġewwa għat-tielet darba.
Iż-żewġ semi-finali tal-FA Cup se jsiru bejn is-17 u t-18 ta’ April, bil-finali ssir f’Wembley Stadium, fil-15 ta’ Mejju.
Rebħa importanti għal Brighton f’konfront dirett miż-żona relegazzjoni
Mill-Premier Leauge, illejla kellna partita waħda hekk kif f’konfront dirett miż-żona relegazzjoni, Brighton għelbu lil Newcastle 3-0. LEANDRO TROSSARD fetaħ l-iskor għal Brighton fil-ħin mogħti żejjed fi tmiem l-ewwel taqsima, biex imbagħad fil-51 minuta, kien DANNY WELBECK li b’konklużjoni mill-isbaħ għamilhom 2-0. NEAL MAUPAY fit-68 minuta ssiġilla r-rebħa għal Brighton biex b’hekk issa fetħu vantaġġ ta’ erba’ punti fuq l-istess Newcastle.
FA CUP
Kwartifinali: Illum: B’mouth v Southampton 0-3, Everton v Man City 0-2 Għada: Chelsea v Sheff Utd 2.30pm, Leicester v Man Utd 6.00pm
PREMIER LEAGUE
Il-Ġimgħa: Fulham v Leeds 1-2 Illum: Brighton v Newcastle Għada: West Ham v Arsenal 4.00pm, Aston Villa v Tottenham 8.30pm