Lokali

“Naħdmu għal paġna ġdida” – Bernard Grech

“Il-ħażin qatt ma jista’ jirbaħ lis-sewwa”… kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wara l-aħħar żviluppi li seħħew tul il-jum tas-Sibt hekk kif l-eks Chief of Staff Keith Schembri kif ukoll diversi persuni oħra prominenti nżammu taħt arrest mixlija b’diversi akkużi fosthom ħasil ta’ flus, korruzzjoni, dikjarazzjonijiet foloz, falsifikazzjonijiet u assoċjazzjoni ma’ persuni bil-għan li jwettqu reati kriminali.

F’messagg li xxandar fuq Net TV, Bernard Grech stqarr li l-klikka kriminali li ħatfet il-Partit Laburista kienet qed tagħmel minn kollox sabiex dawn il-persuni qatt ma jitressqu il-Qorti.

Huwa insista li is-sewwa jirbaħ u kien propju bis-saħħa ta’ Daphne Caruana Galizia li inkixfu dawn l-istejjer – gurnalista li kellha tħallas b’ħajjitha għax kienet qed tgħid il-verita’. Dan kollu seħħ ukoll bis-saħħa tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li fetaħ żewġ inkjesti li waslu biex il-qorti kellha u għandha quddiemha dawn il-proċeduri.

Bernard Grech stqarr li l-ħsara li għamel Schembri lil pajjiżna hija kbira. Il-Kap tal-PN insista li din hija is-siegħa tal-prova u l-Partit Nazzjonalista għandu jagħmel dmiru sabiex flimkien nissaħħu u nġibu lura ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.