Futbol Sport

Rimonta fit-tieni taqsima tagħti lil Bologna

(Ritratt: EPA)

Fi Stadio Ezio Scida, Bologna wettqu rimonta fit-tieni taqsima biex barra minn darhom għelbu lil Crotone 3-2, rebħa li poġġiet lil Bologna fl-għaxar post tal-klassifika filwaqt li din it-telfa għal Crotone tfisser li jkomplu jonqsu t-tamiet tagħhom li jsalvaw posthom fis-Serie A fl-istaġun li ġej. Crotone fetħu vantaġġ doppju fl-ewwel taqsima, meta l-ewwel kien JUNIOR MESSIAS li bi freekick mill-isbaħ fit-32 minuta għamilhom 1-0. Tmien minuti wara, Crotone rduppjaw meta Adama Soumaoro ġibed lil Samuel Di Carmine fil-kaxxa, bir-referee jordna penalty. Minn ħdax-il metru, SIMY ma żbaljax għal 2-0. Ir-rimonta ta’ Bologna bdiet fit-62 minuta meta ADAMA SOUMAORO kkonkluda mill-ewwel fuq cross ta’ Rodrigo Palacio. Fis-70 minuta, it-tim ta’ Sinisa Mihajlovic ġab l-iskor indaqs meta JERDY SCHOUTEN ikkonkluda minn barra l-kaxxa għal 2-2. Il-gowl tar-rebħa għal Bologna wasal fl-84 minuta, meta kien ANDREAS OLSEN li għamilhom 3-2.

Spezia kisbu rebħa importanti li kompliew tbiegħdhom miż-żona relegazzjoni meta f’konfront dirett għelbu lil Cagliari 2-1. Wara taqsima mingħajr gowls, Speiza fetħu l-iskor fid-49 minuta meta minn cross ta’ Emmanuel Gyasi, kien ROBERTO PICCOLI li bir-ras għamilhom 1-0. Spezia rduppjaw fit-80 minuta meta minn cross ta’ Simone Bastoni, kien GIULIO MAGGIORE li b’konklużjoni mill-ewwel għamilhom 2-0. Tliet minuti wara Cagliari naqsu l-iskor b’konklużjoni ta’ GASTON PERIERO biex b’hekk il-partita ntemmet bl-iskor ta’ 2-1.

SERIE A
Ilbieraħ
: Parma v Genoa 1-2 Illum: Crotone v Bologna 2-3, Spezia v Cagliari 2-1, Inter v Sassuolo posp. Għada: Verona v Atalanta 12.30pm, Juventus v Benevento 3.00pm, Sampdoria v Torino 3.00pm, Udinese v Lazio 3.00pm, Fiorentina v Milan 6.00pm, Roma v Napoli 8 .45pm