Sal-lum id-dokumenti tat-taxxa tal-2017 tal-Prim Ministru Robert Abela għadhom qed jinżammu moħbijja mill-pubbliku.
Meta fl-aħħar ġimgħat kien mistoqsi biex jipprovdi dawn id-dokumenti, Robert Abela dejjem saħaq li d-dokumenti kienu diġa pubbliċi għaliex kien provdihom lill-Parlament appena kien elett fl-2017 bħala Deputat.
Madanakollu, meta l-gazzetta Times of Malta, għamlet talba lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex id-dokumenti tat-taxxa tal-Prim Ministru jiġu ppublikati, l-Ispeaker irrifjuta li jipprovdi d-dettalji dwar Robert Abela għas-sena 2017.
Skont rapporti ppublikati fl-aħħar sigħat jidher li Anġlu Farrugia ingħata parir legali biex ma jippubblikax id-dokumenti tat-taxxa ta’ Robert Abela. Dan minkejja li l-media, skont il-liġi, għandha dritt titlob għal dokumenti ta’ taxxa ta’ Membri Parlamentari waqt li huma jkunu Deputati.
Robert Abela kien elett għall-ewwel darba fil-Parlament propju fl-2017, fejn għamel iktar minn sentejn backbencher. Fl-istess żmien, kien ukoll konsulent ta’ Joseph Muscat meta dan tal-aħħar kien Prim Ministru.
Abela sar Prim Ministru f’Jannar tal-2020 wara li wiegħed kontinwità f’nofs kriżi politka li ġab il-Partit Laburista. It-Times tfakkar kif sa qabel ma sar Prim Ministru, id-ditta legali ta’ Abela bbenefikat minn numru ta’ direct orders li ammontaw għal mijiet ta’ eluf ta’ qliegħ għal Robert Abela.
Filwaqt l-isem tal-avukat li ta l-parir lill-Ispeaker mhux magħruf, l-uffiċċju ta’ Anglu Farrugia, f’risposta lit-Times, qal li s-sena tal-valutazzjoni tgħodd mis-sena ta’ wara li deputat jiġi elett membru parlamentari.
Dan jikkuntrasta ferm mal-parir legali li ħadu t-Times li jgħid b’mod ċar li l-midja għandha dritt tara d-dħul kollu iddikjarat ta’ Membru Parlamentari mis-sena ta’ qabel ma jidħol fil-Parlament.
Dan ifisser li l-midja hija legalment intitolata għad-dokumenti tat-taxxa ta’ Robert Abela tal-2017, is-sena li fiha kien elett għall-ewwel darba bħala Deputat.
Iżda sal-lum, segretezza assoluta dwar it-taxxi tal-2017 tal-Prim Ministru Robert Abela.
Fl-istqarrija maħruġa wara dawn ir-rapporti, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li l-Uffiċċju tiegħu mhuwiex f’pożizzjoni li jipprovdi din l-informazzjoni mhux biss fir-rigward tal-Prim Ministru iżda wkoll fir-rigward ta’ kull membru tal-Kamra li ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-2017, għaliex id-dokumenti ta’ taxxi ppublikati fl-2017 juru dettalji tal-2016. S’issa, ghadu mhux ċar eżatt jekk it-Times talbitx dettalji tal-2017 jew tal-2016.
//= $special ?>