Lokali

MILL-BELT GĦAL KORDIN: Keith Schembri jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti

Vince Buhagiar jingħata l-ħelsien mill-arrest

10.05pm: Jintemm hawn is-smigħ tal-lum

10.00pm: Il-Maġistrat tidħol lura fl-Awla. Vince Buhagiar ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt numru ta’ kundizzjonijiet. Ma jistax jitlaq mill-pajjiż, ma jistax jikkuntattja lil nies involuti, ma jistax iwettaq reat, irid jiffirma l-għassa kuljum bejn it-8am u t-8pm, Depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €40,000.

9.50pm: Il-Maġistrat toħroġ mill-Awla.

9.40pm: L-Avukat Mercieca Rizzo tgħid li l-gravità tar-reati kienet hemm u tibqa’ hemm.

9.20pm: L-Avukat ta’ Buhagiar tgħid li Vince Buhagiar għandu 73 sena u qatt ma xellef difrejh mal-ġustizzja, għandu l-mara d-dar tistennieh għax tiddependi minnu u m’għandu l-ebda raġuni li jitlaq minn Malta.

9.10pm: Vince Buhagiar qed ikun akkużat fuq ħasil ta’ flus, li assoċja ruħu ma’ persuni oħra biex iwettaq reat f’Malta, frodi, dikjarazzjoni falza lil awtorità pubblika, fosthom lid-Dwana u lil Malta Enterprise u korruzzjoni. Huwa jwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Jiġu ffriżati l-assi tiegħu.

9.05pm: Il-Maġistrat tidħol lura fl-Awla. Iż-żewġ akkużati ma jingħatawx il-ħelsien mill-arrest. Lorraine Falzon toħroġ mill-Awla mbikkma. L-aħħar persuna li se titressaq huwa Vince Buhagiar, eks Direttur Maniġerjali tal-Times.

8.51pm: L-Avukat Mercieca Rizzo tgħid li kull każ huwa separat u l-ebda każ m’għandu jitqabbel wieħed mal-ieħor. Il-Maġistrat toħroġ mill-Awla.

8.42pm: L-Ispettur William Camilleri jgħid li l-investigazzjonijiet ingħalqu, iżda hemm terzi persuni li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet fil-konfront tagħhom. Jgħid li għad hemm nies li jridu jiġu interrogati.

8.35pm: Id-difiża titlob li jingħataw il-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni toġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest.

8.32: Lorraine Falzon twieġeb mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha… hija twieġeb l-istess f’isem il-kumpanija. Matthew Pace jwieġeb l-istess.

8.28pm: Il-Maġistrat tidħol lura fl-Awla. Iż-żewġ akkużati li jmiss huma Lorraine Falzon u Matthew Pace mill-kumpanija MFSP. Huma qed jidhru f’isimhom u f’isem il-kumpanija Zenith. L-akkużi miġjuba kontrihom huma ħasil ta’ flus, kontabbiltà, dikjarazzjoni falza, reat ta’ falsifikazzjoni u li assoċjaw ruħhom ma’ persuni bil-għan li jwettqu reat kriminali.

8.18pm: Il-Maġistrat toħroġ mill-awla. Nistennew lill-aħħar tliet akkużati jidħlu fl-Awla.

8.15pm: Il-Maġistrat tidħol lura fl-Awla. L-erba’ akkużati ma jingħatawx il-ħelsien mill-arrest. Keith Schembri jinżamm arrestat. Il-Maġistrat tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-erba’ akkużati.  Qalet li għalkemm tifhem l-kundizzjoni ta’ Alfio Schembri, is-sitwazzjoni legali tiegħu hi identika għal tal-oħrajn.

8.02pm: Il-Maġistrat toħroġ mill-kamra. Is-seduta tiġi sospiża għal ftit minuti.

8.00pm: Il-Prosekuzzjoni tgħid li l-ġustizzja ma tħares lejn wiċċ ħadd. “Qegħdin hawn għax hemm biżżejjed provi prima facea.”

7.45pm: L-Avukat Gatt isaqsi ‘x’se tieħu l-Qorti billi żżomm lil dawn l-akkużati arrestati?’ Jibqa’ jinsisti li l-kawża tieħu l-kors tagħha. L-Avukat jgħolli leħnu u jgħid li dawn l-akkużati ma jixraqilhomx li jmorru l-ħabs speċjalment Alfio Schembri.

7.43pm: Jitla’ jixhed is-Supritendent Frank Tabone. Huwa jgħid li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin hekk kif illum tiskadi l-police bail.

7.35pm: L-Avukat Gatt jistaqsi mistoqsijiet lill-Ispettur Mamo hekk kif hi kienet involuta direttment fl-investigazzjoni tal-eks chief of staff Keith Schembri. Hija twieġeb li d-deċiżjonijiet dwar il-bail kienu jsiru mas-superjuri tagħhom, mas-Supretendent u mal-Assistent Kummissarju. 

7.32pm: L-Avukat Mercieca Rizzo tgħid li tirrifjuta t-talba f’isem il-Prosekuzzjoni għall-istess raġunijiet imsemmija qabel. Iżda tkun mitluba li terġa’ tirrepeti r-raġunjiet.

7.28pm: Il-Prosekuzzjoni titlob li l-assi tal-imputati jiġu ffriżati u l-Qorti tordna li l-assi jiġu ffriżati. Id-difiża titlob li jingħataw il-ħelsien mill-arrest.

7.20pm: L-erba’ akkużati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom. Malcolm Scerri f’isem Kasco Limited u Kasco Engineering Company Limited iwieġeb mhux ħati. F’isem GSB Alfio Schembri jwieġeb mhux ħati. Keith Schembri jwieġeb f’isem żewġ kumpaniji oħra jwieġeb mhux ħati.

7.15pm: Tidħol il-Maġistrat. L-akkużati huma Alfio Schembri (missier Keith Schembri), Malcolm, Scerri, Keith Schembri u Robert Zammit. L-akkużi huma atti ta’ ħasil ta’ flus, li assoċjaw ruħhom ma’ persuni bil-għan li jwettqu reat, reati ta’ kontabbiltà, reat ta’ frodi. Robert Zammit fuq ksur ta’ dmijiriet tiegħu bħala awditur u li għamel dikjarazzjoni falza lil awtorita pubblika, ,Ħasil ta’ flus. Malcolm Scerri: korruzzjoni. Keith Schembri huwa akkużat ukoll b’reat ta’ korruzzjoni, xhieda falza u reat ta’ falsifikazzjoni.

7.10pm: Bħalissa ninsabu weqfin sakemm jitressqu s-seba’ akkużati l-oħra. Jidħol fl-awla Keith Schembri.

7.00pm: Tidħol il-Maġistrat. Il-Qorti tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk l-erba’ akkużati se jinżammu arrestati.

6.50pm: Is-seduta tiġi sospiża għal ftit minuti.

6.40pm: L-Avukat Mercieca Rizzo ssemmi każijiet oħra fejn il-persuni ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest billi l-investigazzjonijiet dwarhom kienu għadhom għaddejjin. Hija qalet li l-akkużati ma jistgħux jinżammu fuq police bail sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet.

6.28pm: L-Avukat Franco Debono jgħid li qatt ma stenna li se jitressqu l-Qorti għalkemm l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

6.23pm: L-Avukat Tonna Lowell jikkritika lill-Prosekuzzjoni talli qed tressaq lill-akkużati qabel ma tingħalaq l-investigazzjoni, dan meta l-police bail setgħet ġiet imġedda. L-Avukat Sciriha jaqbel ma’ dak li qal l-Avukat Tonna Lowell.

6.08pm: Jitla’ jixhed l-Ispettur Camilleri. L-Avukat Franco Debono jistaqsih meta kellem lil Katrin Bondin Carter l-ewwel darba. Huwa jirrispondi li kellimha mdwar xahar ilu. L-inkjesta ġiet skattata fl-2017. Mistoqsi minn Franco Debono dwar Bondin Carter l-Ispettur jgħid li jrid jivverifika jekk l-investigazzjonijiet għadhomx għaddejjin. Madankollu, għaddejjin investigazzjonijiet b’rabta ma’ terzi.

6.05pm: L-Avukat Tonna Lowell jgħid li Brian Tonna u Karl Cini ma kinux involuti fit-tieni inkjesta, dik dwar ħasil ta’ flus bejn Keith Schembri u Adrian Hillman f’isem Kasco u Progress Press.Iż-żewġ akkużati saru jafu biha fl-aħħar jiem, jgħid l-Avukat tagħhom.

6.00pm: L-Avukat Tonna Lowell jitlob li l-Ispettur AnneMarie Xuereb titla’ tixhed. Huwa jistaqsti dwar kemm ilhom għaddejjin l-investigazzjonijiet.
L-investigazzjonijiet kienu bdew f’Mejju tal-2017, minn rikors li għamel Simon Busuttil, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni, tgħid l-Ispettur. Jistaqsiha wkoll dwar kemm-il darba minn Settembru ‘l hawn bagħtu għal Brian Tonna u Karl Cini. L-Ispettur tgħid li għal diversi drabi iżda ma tafx eżatt kemm. Tgħid ukoll li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u jinvolvu terzi persuni.

5.55pm: Id-difiża titlob benefiċċju ta’ ħelsien mill-arrest…. il-prosekuzzjoni toġġezzjona hekk kif dawn huma professjonisti li għandhom ikunu gateways għas-sistema finanzjarja, imma bl-aġir tagħhom assistew jew iffaċilitaw reati ta’ natura serja ħafna.

5.52pm: Titlob li jiġu ffriżati l-assi tal-akkużati… id-Difiża toġġezzjona iżda l-Maġistrat tordna li l-assi jiġu ffriżati… kemm tal-akkużati kif ukoll tal-kumpaniji li qed jitressqu akkużi kontrihom. 

5.48pm: L-Avukati tad-Difiża talbu lill-Prosekuzzjoni jekk hiex f’pożizzjoni li tikkwantifika l-ammonti relatati mal-akkużi inkwistjoni. Il-Prosekuzzjoni tgħid li mhix f’pożizzjoni li tippreċiża l-ammonti, madankollu dan jaqbeż in-nofs miljun ewro.

5.38pm: Brian Tonna għal Nexia BT iwieġeb mhux ħati. Għall-kumpaniji kollha li hemm akkużi kontrihom, iwieġeb mhux ħati.

5.33pm: Brian Tonna iwieġeb mhux ħati. Manuel Castagna wieġeb mhux ħati wkoll. Karl Cini jwieġeb mhux ħati. Issa jmiss lil Katrin Bondin Carter, li twieħeb ukoll li mhix ħatja. Beverly Tonna, f’isem KP Holdings Limited, tgħid wkoll li mhix ħatja.

5.32pm: L-akkużi huma atti ta’ ħasil ta’ flus. Brian Tonna u Karl Cini akkużati li assoċjaw irwieħhom ma’ persuni bil-għan li jwettqu att kriminali. Tonna, Cini, Castagna fuq dikjarazzjoni lill-awtorità pubblika kif ukoll akkużi ta’ ksur ta’ dmirijiet ta’ accountants/awdituri

It-tliet irġiel akkużati bi frodi u b’falsifikazzjoni. Tonna u Cini: reati ta’ xhieda falza

Katrin Bondin Carter akkużata li għamlet dikjarazzjoni falza.

5.30pm: Bħalissa qed isir l-eżami tal-akkużati.

5.28pm: Il-Maġistrat Charmaine Galea ssemmi l-ismijiet tal-kumpaniji li qed jitressqu l-akkużi kontrihom.. li jinkludu l-kumpanija Nexia BT.

5.25: Manuel Castagna hu rappreżentat mill-Avukati Michael Sciriha u Matthew Xuereb, filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qed jidhru għal Katrin Bondin Carter. L-Avukat Stephen Tonna Lowell qed jidher għal Karl Cini u Brian Tonna.

5.22pm: Il-Maġistrat Charmaine Galea tidħol fl-awla. 

5.10pm: Jidher li l-akkużati se jkunu mressqa b’mod individwali jew fi gruppi.

5.05pm: Jibdew jaslu l-akkużati. Bħalissa hawn preżenti Brian Tonna, Manuel Castagna u Karl Cini minn Nexia BT, kif ukoll Lorraine Falzon u Emas Castagna. Preżenti hawn ukoll l-Avukat Franco Debono, Giannella de Marco u Stephen Tonna Lowell

5.00pm – Minn ħin għall-ieħor qed nistennew li jitressqu l-Qorti 11-il persuna dwar akkużi ta’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus u frodi. Fost dawn il-persuni hemm l-eks chief of staff Keih Schembri, Brian Tonn u Karl Cini.

Segwu Net TV, fejn se nkomplu naġġornawkom dwar l-aħħar żviluppi marbuta mal-akkużi li qed jaffaċja Keith Schembri.

Aktar kmieni:

Għall-ħabta tal-17.00, ser jinħarġu akkużi kontra ħdax-il persuna (disat irgiel u żewġ nisa), kif ukoll se jinħarġu akkużi kontra għoxrin kumpanija. 

Is-seduta se ssir quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea f’Awla 22 u l-persuni ser ikunu qed jiġu akkużati b’reati ta’ korruzzjoni, frodi, u ħasil ta’ flus, fost oħrajn.

Għall-ħabta tal-4:30pm, se nkunu f’xandira diretta anke fuq Facebook Live.