Lokali

ANALIŻI: 8 fatti li ħarġu wara li Schembri spiċċa Kordin

14-il siegħa ta' drama politika mill-ECU, għall-Qorti, għall-Kordin

1. Keith Schembri qatta’ l-ewwel lejl tiegħu fil-ħabs

Keith Schembri, ta’ 45 sena, u sħabu Brian Tonna ta’ 56 sena u Karl Cini ta’ 46 sena huma fost 10 persuni, tmien irġiel u żewġ nisa li kollha ntbagħtu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li ġew akkużati quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea b’rabta ma’ reati ta’ korruzzjoni, frodi, u ħasil ta’ flus. 

L-akkużati tressqu l-Qorti s-Sibt f’ erba’ gruppi separati.

Minbarra frodi u ħasil ta’ flus Keith Schembri ġie akkużat li ta xhieda falza u li wettaq korruzzjoni.

Ritratt: Joseph Galea

2. Il-Kasco għandu l-akbar ammont ta’ akkużi

Minn dawk kollha li tressqu l-Qorti s-Sibt, Keith Schembri huwa l-persuna li qed jaffaċja l-akbar numru ta’ akkużi. Missieru Alfio baqa’ iċċassat meta sema’ dawn l-akkużi.

3. Fil-konfront tal-Kasco, il-biża’ tal-Qorti dwar il-libertà provizorja mhix fantaxjenza imma “biza’ reali”

Il-Maġistrat Charmaine Galea irrimarkat illi ma tistax tilqa’ t-talba għal ħelsien mill-arrest minħabba dik li sejħet “biża’ reali”. Għalhekk, Schembri u sħabu inżammu arrestati.

Ritratt: Joseph Galea

4. Edward Gatt isabbat fl-awla – lil Schembri ma riedux arrestat għax l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin

Waqt il-proċeduri fil-Qorti, f’ħin minnhom, l-avukat Edward Gatt deher isabbat għaliex baqa’ joġġezzjona li Keith Schembri jinżamm arrestat f’Kordin. Riedu ħieles. Iżda l-Qorti ma aċċettatx.

5. Lorraine Falzon l-aktar li ħaditha ħażin

L-aktar persuna li dehret illi ħaditha ħażin kienet Lorraine Falzon. Malli ġiet miċħuda l-liberta’ proviżorja, hi kienet se taqa’ mal-art – ħarġet mill-awla merfugħa mill-akkużat l-ieħor, Matthew Pace.

Anke Karl Cini, ta’ Nexia BT, deher jibki fl-awla tal-Qorti.

6. Fadal aktar persuni li qed jiġu investigati

Il-Prosekuzzjoni ikkonfermat li l-investigazzjonijiet dwar dawn il-każi ta’ frodi, korruzzjoni u ħasil ta’ flus ma waqfux hawn. Fadal aktar nies li qed jiġu investigati.

7. Vince Buhagiar jingħata l-libertà proviżorja

Vincent Buhagiar, eks Direttur tat-Times, kien l-uniku wieħed li ingħata l-libertà proviżorja bil-kundizzjoni li jibqa’ taħt house arrest, b’depożitu ta’ €20.000 u garanzija ta’ €40,000. Buhagiar ħareġ mill-Qorti wara l-10:30pm.

8. L-avukat Veronique Dalli tallega li “il-ħabs mimli Covid”

Interessanti dak li qalet fl-awla l-avukat Veronique Dalli. Hi stqarret li fil-ħabs hemm ħafna każi ta’ Covid. U kien propju għalhekk li (skont hi) Vince Buhagiar kellu jibqa’ d-dar, peress li hu vulnerabbli.