Lokali

“B’kuraġġ neħilsu lil pajjiżna mill-madmad tal-korruzzjoni” – Bernard Grech

“Is-sitwazzjoni li ninsabu fiha illum hija frott il-ħidma u l-kuraġġ tas-soċjetà ċivili, tal-Partit Nazzjonalista u tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – irridu nerġgħu nagħtu lil pajjiżna isem li jixraqlu.”

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista li saritlu mill-Kap Editur tal-kamra tal-aħbarijiet ta’ Lovin Malta Chris Peregin l-għada li l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri flimkien ma 9 persuni oħra – inkluz Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT, qatta l-ewwel lejl tiegħu f’ċella fil-ħabs ta’ Kordin.

Filwaqt li insista qabel xejn li l-Qorti se tkun qed tiddeċiedi jekk dawn il-persuni humhiex ħatja jew le, huwa saħaq li wasalna s’hawn grazzi għal kuraġġ li kellu Simon Busuttil sabiex jitlob għal inkjesta minkejja li l-magna Laburista rredikolatu kemm-il darba kif ukoll għal ħidma sfieqa ta’ Daphne Caruana Galizia li kixfet din l-informazzjoni sa mill-bidu nett.

Huwa stqarr li huwa importanti li l-Kummissarju tal-Pulizija flimkien mal-bqija tal-Korp, il-ġudikanti u l-maġistratura jkunu sostnuti kif suppost sabiex ma jkunx hemm għalfejn li politiċi jitilgħu l-Qorti biex jaħdmu l-istituzzjonijiet, saiex ma jkunx hemm għalfejn li n-nies jinżlu fit-toroq biex f’pajjiżna titwettaq il-ġustizzja – sabiex ma jkunx f’idejn il-jhedd tal-Prim Ministru biex l-istituzzjonijiet tal-Gżejjer Maltin jaħdmu kif suppost, bl-awtonomija tagħhom kif titlob il-liġi.

Mistoqsi dwar it-tieni talba għal maħfra presidenzjali li talab Vince Muscat, il-Koħħu sabiex jikxef informazzjoni dwar 3 każi oħra – wara li ammetta l-involviment tiegħu fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop – il-Kap tal-PN insista li l-Prim Ministru Robert Abela ħareġ b’ħeffa jgħid lill-poplu li ma kien hemm l-ebda politiku involut fl-informazzjoni li ta l-istess Koħħu. Ftit tal-jiem wara, fix-xhieda tiegħu Muscat saħaq li hemm Ministru attwali involut f’attività kriminali. Bernard Grech stqarr kif jista jkun li Abela jibqa’ plaċidu quddiem dan kollu, kif jista jkollok Ministru friski bħal ħassa fil-Parlament meta hemm din l-allegazzjoni fuq rashom.

Bernard Grech saħaq li pajjiżna jixraqlu aħjar, il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu li jgħix f’pajjiż normali, pajjiż li tkun kburi li ssejjaħlu art twelidek, pajjiż fejn il-ġurnalisti ma jaħdmux fil-biża’.

Għalhekk huwa sostna li se jibqa jirsisti sabiex il-Gżejjer Maltin jinħeles mill-madmad tal-korruzzjoni.