Ir-Renju Unit sallum irnexxielu jlaqqam ‘il fuq minn 26.8 miljuni kontra l-coronavirus iżda t-tilwima mal-Unjoni Ewropea dwar il-vaċċini ma tidhirx li se tieqaf kif ġieb u laħaq. Dan meta l-Ġermanja u Franza qegħdin jaħsbu biex jappoġġjaw pjan li – f’każ ta’ konferma uffiċjali — kapaċi jwaqqaf mad-19-il miljun ruħ milli jieħdu t-tilqima.
Mairead McGuinness, li hi l-Kummissarju Ewropew għas-servizzi finanzjarji, qalet li l-għażliet kollha għadhom fuq il-mejda wara li l-Unjoni Ewropea heddet li timblokka l-esportazzjoni tal-vaċċin lir-Renju Unit.
Il-mexxejja tal-UE fil-jiem li ġejjin għandhom il-laqgħat kruċjali wara li l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet li tista’ tissieħeb mal-Ġermanja u Franza f’dan il-pass li r-Renju Unit qiegħed jikkuntesta bħala wieħed illegali.
L-UE qed twaħħal l-intoppi għall-programmi tat-tilqim tagħha fil-kumpanija AstraZeneca, fost akkużi li din il-kumpanija ma produċietx biżżejjed tilqim skont il-ftehim li laħqet xhur ilu mal-Unjoni.
L-osservaturi ma jeskludux li l-UE ‘tasal tassew’ biex tostakola l-kunsinni tal-AstraZeneca għar-Renju Unit – u wara li l-Britanniċi, xhur ilu, investew somom enormi fl-istess kunsini. Il-kunsinni jridu jkunu trasportati mill-faċilitajiet ibbażati fl-Ewropa u l-osservaturi qalu li ‘l-mexxejja Ewropej iridu dalwaqt jagħmlu evalwazzjoni finali waqt li jieħdu xi deċiżjonijiet konkreti’.
Min-naħa tagħhom, kelliema għas-settur tas-saħħa fl-Ingilterra qal li l-issues relatati mal-provvista tal-vaċċini mgħandux itellef il-pajjiż milli jilħaq il-miri tiegħu – f’dan il-każ li ċ-ċittadini kollha jingħataw it-tilqima sal-aħħar tas-sajf.
//= $special ?>