Diżinjatur Malti Awstraljan, Jason Grech ipparteċipa f’ċelebrazzjoni tal-moda, The Melbourne Fashion Festival fejn esebixxa wħud mill-isbaħ ilbiesi li dehru matul is-serata.
Grech qal li hu qatt ma ħolom li jirnexxilu jasal s’hawn. Iżda kien sempliċiment festin żgħir fejn nibtet l-ispirazzjoni għall-ilbiesi li esebixxa matul dan il-festival. Fil-fatt, l-ewwel ħsieb li kellu kien x’kien jilbes kieku kien mara sejjer għal xi festin, bit-tweġiba tkun li żgur mhux beige!
U b’hekk, ma jistax jonqos li l-kollezzjoni ta’ ilbiesi kellhom l-iktar kuluri li jispikkaw fost l-ilbiesi ta’ dan il-festival. L-idea tad-diżinjatur kienet li jiċċelebra l-personalità ta’ dawk li jilbsu dawn l-ilbiesi filwaqt li juri l-imħabba għall-festini.
Fl-2018, id-diżinjatur Malti Awstraljan kien qatgħa xewqet ommu u ħalla l-legat tiegħu f’pajjiżna hekk kif kien iddiżinja libsa bl-arma tal-Għaqda Mużikali ta’ Santa Liena filwaqt li flimkien ma’ tim Malti kienu niżlu fit-toroq ta’ Birkirkara u ħadu diversi ritratti tal-libsa qalb il-bejjiegħa u x-xerrejja tal-monti ma’ affarijiet tradizzjonali Maltin, fosthom l-imqaret. Hu kien iddebutta l-libsa fil-Malta Fashion Week ta’ dik is-sena stess.
Iktar dettalji dwar dan il-vjaġġ li kellu Grech f’pajjiżna fil-links t’hawn taħt: