Robert Abela baqa’ ma talabx skuża għall-fatt li l-Gvern Laburista baqa’ sal-aħħar jiddefendi lil Keith Schembri.
Mistoqsi mill-ġurnalist ta’ The Malta Independent l-għada li Schembri kien akkużat fost l-oħrajn b’korruzzjoni u ħasil ta’ flus, il-Prim Ministru ħarab milli jwieġeb dwar dawn l-iżviluppi serjissimi li assistejna għalihom fl-aħħar 24 siegħa.
Minflok, Abela infexx f’attakk fuq il-PN – u irrepeta l-frażi solita tiegħu li “l-istituzzjonijiet qed jaħdmu”. Mingħajr ma ammetta li l-arresti kienu possibbli biss grazzi għal żewġ inkjesti li talab l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil.

Il-Ħadd filgħodu, Robert Abela rabat lilu innifsu mal-Gvern ta’ Joseph Muscat u qal li “fi 8 snin konna katalisti”.
Il-Prim Ministru kkonferma li hu għadu ma saqsiex lill-Ministri tiegħu min hu l-politiku li semma’ l-Koħħu fil-Qorti, u li allegatament hu involut fil-‘big job’ li seħħ numru ta’ snin ilu – akkuża li torbot Ministru preżenti ma’ każ kriminali tal-passat.
Tul il-programm li xxandar fuq il-media Laburista, Abela irrepeta bosta frażijiet sinonimi ma’ Joseph Muscat, fosthom “serenità” u “sodisfatt”.