Coronavirus Lokali

Ġimgħa oħra diffiċli għat-tobba u l-infermieri fil-ġlieda kontra l-COVID-19

Filwaqt li matul din il-ġimgħa li għaddiet komplew jiżdiedu l-persuni pożittivi għall-COVID-19 u komplew jiżdiedu l-għadd ta’ vittmi relatati mal-pandemija biex issa ċ-ċifri jilħqu għal kważi 370 persuna mejta bil-COVID-19, is-sitwazzjoni fit-Taqsima tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei għadha waħda akuta ħafna.

Mill-ġdid erġajna tkellimna ma’ infermieri li jservu fit-Taqsima tal-Emerġenza u qalulna li mill-ġimgħa l-oħra ’l hawn ma kien hemm l-ebda titjib jew tnaqqis ta’ pressjoni fuqhom. “Anzi issa l-affarijiet aggravaw aktar għaliex infetħet is-seba’ sala tal-ITU u x-xogħol kompla jiżdied, iżda safejn nafu aħna riżorsi ftit li xejn żdiedu għajr għall-fatt li ġabu xi infermieri li fl-imgħoddi kienu diġà servew fl-Emerġenza.

Lil dawn l-infermieri ġabuhom minn swali oħrajn… jiġifieri jipprovaw isaħħu kastell iżda fl-istess waqt qed iħottu kastelli oħrajn. Dan qed iwassal biex issa qed tinħass il-pressjoni fuq ċerti swali oħrajn ukoll bil-kwadru komplet juri li d-deċiżjonijiet mhumiex jittieħdu bi ħsieb u b’ippjanar, iżda l-ewwel jittieħdu d-deċiżjonijiet u mbagħad wieħed jara xi jkunu l-konsengwenzi tagħhom.

L-istess infermieri qalulna li hemm min, inkluż mit-tobba, min qiegħed jispiċċa ma jmurx id-dar u l-ftit ħin ta’ mistrieħ qed jgħaddih jistrieħ fl-Isptar Mater Dei stess. “Ma jagħtikx il-qalb li tmur id-dar. Anki jekk tkun għajjien mejjet. Il-volum tax-xogħol hu kbir wisq. Pazjenti ġejjin il-ħin kollu. Aħna nippruvaw nagħmlu l-almu tagħna kollu, iżda fil-verità r-riżorsi huma limitati ħafna. Imbasta ħallew lil għadd ta’ infermieri barranin jitilqu jservu lejn pajjiżi oħrajn!”

Hawnhekk is-sorsi ta’ il-mument komplew li anki minn dak li jaraw huma fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum, ma jidhirx li l-Prim Ministru qiegħed il-ħin kollu jikkonsulta mal-Awtoritajiet u l-esperti tas-Saħħa dwar il-way forward ta’ dak li għandu jsir b’rabta mal-ġlieda lill-pandemija.
Dawn l-infermieri qalulna li hu minnu li l-Gvern qed jibqa’ jinjora l-pariri tal-esperti tas-Saħħa.

Ikkuntattjat minn il-mument, Martin Balzan, il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), wera t-tħassib serju tiegħu li l-Gvern mhux qiegħed joqgħod fuq il-pariri li qed jingħata mill-esperti tas-Saħħa u jattwa dak li jgħidulu. “Qiegħed ikun hemm ċirkostanzi fejn il-Gvern jitlob il-parir, iżda mbagħad jagħmel dak li jfettillu hu, probabbilment għaliex iġib kunsiderazzjonijiet oħrajn qabel il-parir li jkun ingħatalu. Jiġifieri u fost l-oħrajn, il-Gvern iġib kunsiderazzjonijiet politiċi flok il-parir li l-esperti tas-Saħħa jagħtuh.

“Tajjeb li wieħed jispjega li meta nitkellem dwar l-esperti tas-Saħħa nkun qed nirriferi għas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika
u wkoll għall-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika.”

Mistoqsi dwar x’inhi u kif jiddeskrivi s-sitwazzjoni medika fl-Isptar Mater Dei, it-Tabib Martin Balzan qal li s-sitwazzjoni hi waħda serja ħafna. “Hawn ħafna pazjenti bil-COVID-19 u l-pressjoni fuq it-Tobba u l-Infermieri hi waħda akuta ħafna. Bilkemm qed inlaħħqu mmorru d-dar nistrieħu u hawn tobba li qed jispiċċaw jorqdu hawnhekk. Il-pressjoni hi kbira ħafna fuqna lkoll.”

Hu fakkar li tul l-aħħar 13-il xahar l-Assoċjazzjoni Medika Maltija tkellmet diversi drabi u wissiet dwar l-importanza li l-Gvern jaġixxi b’responsabbiltà u jieħu dawk il-miżuri kollha meħtieġa biex iżomm taħt kontroll l-imxija tal-pandemija. Sfortunatament kien hemm diversi okkażjonijiet meta l-Gvern jew kaxkar saqajh jew inkella ma tax widen għal dak li t-tobba kienu qed jgħidulu.

X’ġara minħabba f’hekk? Ġara li l-Assoċjazzjoni tat-Tobba Maltin kellha tirrikorri għal azzjonijiet industrijali biex il-Gvern jiċċaqlaq u jdaħħal fis-seħħ miżuri li bihom ixekkel l-imxija tal-pandemija fil-gżejjer Maltin.
“Illum il-ġurnata, għaliex kien hemm min għalaq għajn waħda jew ma aġixxiex mill-ewwel, spiċċajna bil-pandemija tinfirex b’ritmu mgħaġġel ħafna tant li l-perċentaġġ medju ta’ persuni pożittivi hu ta’ 300 kuljum!”

Anki Paul Pace, il-President tal-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel Maltin (MUMN), wera t-tħassib tiegħu għall-mod kif qed jiżviluppaw l-affarijjiet u wera wkoll id-dieqa tiegħu li l-Gvern mhux veru qiegħed joqgħod dejjem fuq il-pariri li jingħata mill-esperti tas-Saħħa.

F’kumment Paul Pace enfasizza li: “qatt ma missna wasalna f’din is-sitwazzjoni.”Qal li hu li jemmen li r-risk assessment ma kienx ibbażat fuq ix-xjenza, u spekula li jista’ jkun dan kien minħabba żewġ fatturi: indħil politiku u minħabba l-għajta għall-ekonomija.

Żied li hu jifhem li sena ilu, il-każijiet tal-COVID-19 kienu ħafna inqas minn dawk li qed jinstabu llum il-ġurnata. Illum, iżda, il-bozza ħamra missha ilha li xegħlet minn Jannar li għadda. Paul Pace kompla li dakinhar missu sar risk assessment ibbażat fuq dak li kien qed jiġri f’pajjiżi oħra, meta kulħadd kien qed jieħu miżuri restrittivi minħabba l-varjant, u dan missu serva ta’ tagħlima, peress li fl-opinjoni tiegħu, il-miżuri f’Malta ttieħdu tard wisq, meta l-każijiet kienu diġà bdew jinfirxu b’pass mgħaġġel.

Filwaqt li semma kif il-varjant kien diġà ilu tliet xhur magħna, u għalhekk kien hemm ċans li jitrażżan qabel, Paul Pace qal li l-aħħar sett ta’ miżuri restrittivi kontra l-COVID-19 tħabbru ġimgħa ilu, fil-jum li Malta kellha rekord ta’ 510 każijiet ġodda f’ġurnata. B’dawn il-miżuri ngħalqu l-iskejjel, il-ħwienet mhux essenzjali u twaqqfu s-servizzi mhux meqjusin essenzjali wkoll.

Paul Pace mill-ġdid kellu kliem ta’ kritika għal ċertu diskorsi li saru – diskorsi inkoraġġanti minn politiċi fis-sens li l-eqqel tal-pandemija kien għadda. “Qatt ma missha saret il-wegħda falza li mhux se jissejjaħ lockdown, peress li wieħed ma jistax jipprevjeni x’se jiġri.”

Paul Pace kompla li kieku kien Prim Ministru, hu kien jagħmel l-oppost tal-Prim Ministru Robert Abela, u kien jgħid lin-nies biex jobdu biex ma jissejjaħx lockdown, u mhux jinkoraġġihom biex igawdu s-sajf li għadda billi l-agħar kien għadda!

Hu qal li l-poplu spiċċa ffaċċja b’messaġġi kunfliġġenti billi min-naħa kien hemm il-MAM u l-MUMN u oħrajn iwissu fuq il-pandemija u kif il-każijiet jistgħu jogħlew, u fuq in-naħa l-oħra kien hemm il-Gvern, u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci li bdew iqawwu qalb in-nies. In-nies, imbagħad, bdew isegwu l-linja politika iżjed milli tal-ispeċjalisti tas-saħħa bir-riżultat li llum ninsabu f’sitwazzjoni diffiċli tassew.