Il-Prim Ministru Robert Abela ma qalx il-verità meta reċentement stqarr li ma kienx jirriżulta li f’ċerti reati serji li seħħew f’pajjiżna fl-aħħar għaxar snin kien hemm politiċi jew eks politiċi involuti.
Mix-xhieda ġuramentata li qed jagħti fil-Qorti – liema xhieda hi marbuta wkoll mal-premessi kollha li titlob il-Maħfra Presidenzjali – Vincent Muscat, magħruf bħala ‘Il-Koħħu’, iddepożita informazzjoni mill-aktar importanti li tindika bl-aktar mod ċar l-involviment ta’ eks politiċi fil-Partit Laburista u politiċi attwali oħrajn li kienu involuti f’ċerti reati kbar.
Kif kien żvela il-mument fil-bidu ta’ Novembru li għadda, Vincent Muscat kien diġà tkellem fit-tul mal-Pulizija u filwaqt li kien wiegħed li jikkollabora magħhom biex ikun solvut id-delitt tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia, kien wiegħed li kienlest li jikkollabra biex jissolvew reati oħrajn serji.
Dak li il-mument kien żvela fil-bidu ta’ Novembru li għadda kien b’rabta ma’
depożizzjonijiet li l-istess Vincent Muscat kienn għadda lill-Pulizija wara s-sajf tas-sena l-oħra fejn kien indika lil ċerti persuni bl-involviment tagħhom dwar reati serji varji li iżda kienu xxukkjaw lill-pajjiż.
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu u wkoll fl-isfond tal-fatt li nafu kif taħdem
Kastilja – fejn kull pass li jsir fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija tkun mgħarrfa bih – illum il-mument jistaqsi kif jista’ jkun li Robert Abela ma kienx jaf bil-kollaborazzjoni ta’ Vincent Muscat mal-Pulizija s-sena l-oħra.
Mhux biss, imma anki bil-kontenut ta’ informazzjoni mill-aktar sensittiva li hu kien għadda lill-investigaturi tal-Pulizija. Wieħed ma jridx jinsa li matul is-sena l-oħra Vincent Muscat kien kemm-il darba wiegħed il-kollaborazzjoni sħiħa tiegħu biex jissolva d-delitt ta’ Daphne Caruana
Galizia u biex jissolvew ukoll reati oħrajn, kemm-il darba hu jingħata l-Maħfra Presidenzjali kif seħħ aktar kmieni din is-sena.
F’dawk it-talbiet li Vincent Muscat kien għamel lill-Pulizija kien ripetutament qalilhom li hu kellu sensiela ta’ informazzjoni sensittiva li kemm-il darba l-Pulizija riedet tinvestiga u taħdem fuqha biex issolvi dawn ir-reati, allura hu kien lest lijikkollabora u jagħti l-għarfien li kellu.
Matul l-aħħar jiem meta ta x-xhieda tiegħu fil-Qorti, Vincent Muscat ma ddejjaqx jitkellem mill-ġdid – din id-darba bil-ġurament fil-Qorti – dwar il-pjan tal-2015 meta numru ta’ persuni kienu wrew l-intenzjoni tagħhom li jinħema l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Vincent Muscat, fost l-oħrajn, semma kif l-Eks Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona kien involut f’dak il-pjan. Barra minn hekk l-istess Chris Cardona kien allegat li kien involut ukoll f’reat ieħor kbir u kompliċi f’dak il-pjan kien hemm ukoll persuna oħra li sal-lum għadha sservi fil-Kabinett ta’ Robert Abela.
B’reazzjoni għal dak li nħareġ fil-Qorti, il-Prim Ministru f’nofs din il-ġimgħa qal li hu kien talab lill-Kummissarju tal-Pulizija bie jistabbilixxi għal min kien qiegħed jirriferi Vincent Muscat fix-xhieda li kien ta… dejjem b’riferenza għal persuna partikulari li għadha sal-lum tifforma parti mill-Kabinett tal-Ministri.
Kif kien żvela il-mument f’Novembru li għadda, Vincent Muscat kien ta diversi dettalji dwar din il-persuna li għadha fil-Kabinett tal-Ministri, fosthom dwar l-involviment tagħha u hu kif kien għarafha.
Illum il-mument tista’ tkompli tiżvela kif din il-persuna fil-Kabinett ta’ Robert Abela jidher li qiegħda tħoss sew in-nassa tagħfas magħha hekk kif komplew jemerġu dettalji fil-Qorti dwar l-allegat sehem tagħha fil-hold-up fuq il-fergħa tal-HSBC f’Ħal Qormi għaxar snin ilu.
Mill-informazzjoni li Vincent Muscat kien għadda lill-Pulizija s-sena l-oħra, kien jirriżulta li kien stabbilit grupp ta’ persuni kriminali organizzati li kien jiltaqa’ minn żmien għal żmien u proprju f’waħda mil-laqgħat kienet diskussa l-possibbiltà li jsir hold-up metikoluż fuq il-fergħa tal-HSBC f’Ħal Qormi.
Dan allura għaxar snin iluu l-pjani fuq il-karti mmaturaw f’azzjoni konkreta ta’ hold-up fiżiku li fih kienu ħadu sehem mat-tmien ħallelin armati b’armi tan-nar. Fost dawn il-kriminali kien hemm ukoll dak li llum hu deskritt bħala “Eks Uffiċjal Għoli tal-Partit Laburista”.
It-tagħrif mgħoddi lill-Pulizija kien jinkludi li mhux id-dettalji dwar dan il-hold-up biss kienu diskussi f’Uffiċċju Legali partikulari f’Birkirkara proprjetà ta’ dan l-“Eks Uffiċjal Għoli tal-Partit Laburista”, imma wkoll li għal waħda mis-sessjonijiet kien attenda wkoll persuna – b’rasu mgħottija permezz ta’ balaklava – li kien indikat bħala Uffiċjal Għoli mill-istess fergħa tal-HSBC.
F’dik il-laqgħa partikulari din il-persuna tkellmet u kienu jidhru kemm għajnejha u anki jdejha. Vincent Muscat jgħid li hu għaraf lil din il-persuna partikulari li għadha fil-Kabinett tal-Ministri sal-lum. Sussegwentement dik il-persuna deskritta bħala “Uffiċjal Għoli mill-HSBC”, kienet ipprovdiet pjanti dwar il-bank minn ġewwa biex hekk darba jkunu ġewwa minn bieb fil-ġenb li kellu l-Bank, il-ħallelin setgħu jkunu jafu minn fejn kellhom jgħaddu sakemm isibu s-safe li riedu jiftħu.
Vincent Muscat kien għadda aktar tagħrif importanti lill-Pulizija, fosthom li kien indikat lill-ħallelin li dawn kellhom jidħlu mill-bieb ta’ wara tal-istess fergħa tal-HSBC.Kien l-“Uffiċjal Għoli mill-HSBC” li kien għadda mazz ċwievet foloz lill-kriminali biex dawn setgħu jifħu u jimmanuvraw fil-binja.
Dakinhar tal-hold-up b’xorti tajba kienu intervjenew il-Pulizija tal-SAG li kienu ħarbtu l-hold-up. B’kollox bejn il-ħallelin u l-Pulizija tal-SAG kienu sparati xejn inqas minn 67 tir u mhux sbatax kif kien rapportat.
B’rabta ma’ dak il-hold-up il-Pulizija kienet arrestat numru ta’ ħallelin li kienu tressqu l-Qorti u għadhom qed jistennew li jgħaddu ġuri. Sa mill-ewwel mumenti ta’ investigazzjoni dwar dak il-hold-up, il-Pulizija dejjem kienet insistiet li biex seta’ sar tali attantat ta’ hold-up, il-ħallelin bilfors li kellhom xi tip ta’ informazzjoni minn ġewwa l-Bank. Fil-fatt il-ħallelin kienu jafu fi ftit sekondi biss mil-liema kurriduri kellhom jgħaddu biex isibu s-safe li huma riedu jbattlu.
Dak kollu kien ġara fi żmien l-amministrazzjoni preċenenti, iżda meta fl-2013 inbidel il-Gvern, allura dak li llum hu “Eks Uffiċjal Għoli tal-Partit Laburista” jirriżulta li kien għamel użu mill-kariga għolja tiegħu biex jipproteġi lilu nnifsu u lill-kriminali ta’ madwaru li allura bdew igawdu minn impunità assoluta.
Skont dak li qed jirriżulta f’ċerti kwartieri, minn fost dawk il-kriminali li ħadu sehem f’dan il-hold-up, sussegwentement kien hemm min wara l-2013 ħadu sehem ukoll f’delitti oħrajn, fosthom delitti, tentattivi ta’ delitti, delitti b’bomba, serqiet kbar, negozju ta’ droga u kuntrabandu ta’ sigaretti u xorb mill-Port Ħieles.
Bla dubju ta’ xejn li dan kien grupp ta’ kriminali organizzat u b’saħħitu li bla skrupli ta’ xejn kien jidħol b’ruħu u b’ġisimu għal reati kbar. Anki għaliex din l-organizzazzjoni kienet taf li kienet tgawdi mill-protezzjoni ta’ dan l-“Eks Uffiċjal Għoli tal-Partit Laburista”.
Sorsi infurmati mitkellma minn il-mument qalulna li din il-kriminalità organizzata tinkludi t-tfassil ta’ eliminazzjoni ta’ persuni – uħud minnhom fil-fatt kienu maqtula; tqegħid ta’ bombi f’karozzi; sensiela ta’ hold-ups kbar, negozju ta’ droga; u kuntrabandu, fost l-oħrajn ta’ sigaretti u alkoħol mill-Port Ħieles. Is-sensiela ta’ reati mill-aktar serji hi waħda twila u hi meqjusa bħala waħda li tirrigwarda reati kriminali mill-aktar maħsuba u ppjanati kif ukoll bil-parteċipazzjoni ta’ wħud mill-aktar kriminali professjonali li qatt kellu pajjiżna fl-istorja reċenti tal-kriminalità.
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu hi mill-aktar leġittima l-mistoqsija għaliex il-Prim Ministru Robert Abela jibqa’ ma jiċħadx l-allegazzjonijiet dwar l-involviment ta’ nies fil-Gvern Laburista fil-hold-up tal-HSBC li sar fl-2010… anzi jibqa’ jilgħabha li ma jaf bl-ebda politiku involut f’ċerti reati kbar.
Fil-verità issa ilhom diversi xhur minn meta kien żvelat li membru fil-Kabinett ta’ Robert Abela kien issemma minn Vincent Muscat lill-Pulizija bħala persuna involuta f’delitt li sar qabel l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Barra minn hekk tajjeb li jingħad li fl-aħħar xhur fil-midja kien żvelat ukoll kif “Eks Uffiċjal Għoli u politiku fil-Gvern u fil-Partit Laburista” wkoll issemma minn Vincent Muscat b’rabta mal-attentat ta’ serqa mill-HSBC fl-2010.
//= $special ?>