Lokali

Il-Gazzetti dominati mill-arrest ta’ Schembri u oħrajn

Il-gazzetti kollha tal-Ħadd iddominati mill-avvenimenti drammatiċi tal-Qorti hekk kif l-id il-leminija ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, flimkien ma’ għaxar persuni oħra fosthom Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT inżammu arrestati.

Il-gazzetta IL-MUMENT fil-faċċata b’ritratt ta’ Keith Schembri u t-titlu MINN KASTILJA GĦALL-ĦABS TA’ KORDIN.  Il-gazzetta għandha rappurtaġġ estensiv mill-ġurnalisti tal-Kamra tal-Aħbarijiet matul il-ġurnata ta’ qabel.

THE SUNDAY TIMES ukoll b’ritratt ta’ Keith Schembri bit-titlu DRAMA IN COURT AS SCHEMBRI AND NINE OTHERS DENIED BAIL. Il-gazzetta tiddedika wkoll l-editorjal għall-avvenimenti tas-Sibt hekk kif tinsisti li Schembri ilu wisq żmien jevadi l-liġi bl-impunita li infiltrat l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Il-proċeduri tal-Qorti, kompla l-editorjal, ma kienux ikunu possibbli jekk mhux għall-persistenza tal-eks Kap tal-PN Simon Busuttil biex jinfetħu żewġ inkjesti maġisterjali.

L-arrest ta’ Keith Schembri kienet ukoll l-aħbar ewlenija fil-gazzetta MALTATODAY bit-titlu KEITH SCHEMBRI CHARGED WITH CORRUPTION AND FORGERY. L-Editorjal tal-gazzetta jinsisti li l-Partit Laburista irid jgħaddi minn proċess intern li jevalwa mill-ġdid il-legat ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, Chris Cardona u oħrajn għaliex il-votant Laburist se jibqa’ jqishom bħala eroj u vittmi u mhux nies li għandhom ħafna għalxiex iwieġbu.

THE MALTA INDEPENDENT ON SUNDAY ukoll għandha l-istorja ewlenija dwar il-proċess fil-Qorti bit-titlu KEITH SCHEMBRI AMONG ELEVEN CHARGED WITH MONEY LAUNDERING, REMANDED IN CUSTODY. L-editorjal ta’ din il-gazzetta jgħid li huma l-Qrati u mhux Facebook, li jiddeċiedu l-ħtija jew le ta’ Keith Schembri. Dan b’referenza għall-post twila fuq Facebook fl-aħħar jiem tal-istess Schembri li attakka l-proċess tal-Qrati.

Il-Gazzetta ILLUM b’ritratt kbir ta’ Keith Schembri fuq l-ewwel paġna bit-titlu KEITH SCHEMBRI JINŻAMM KORDIN. Fl-editorjal il-gazzetta tisħaq  li l-Gvern mhux qiegħed hemm biex b’xi ħadd jagħmel negozju minnhom u l-politika u n-negozju huma ħbieb u mhux miżżewġin.

IT-TORĊA ukoll tagħti prominenza lil din l-istorja bit-titlu KEITH SCHEMBRI U GĦAXRA OĦRA AKKUŻATI iżda ma ssemmix li Schembri inżamm arrestat.

U l-gazzetta tal-Partit Laburista KULLĦADD  l-unika waħda li ma ssemmix lil Keith Schembri fit-titlu u l-uniku li ma ġabitx ritratt tiegħu.

Sadanittant, filwaqt li l-avvenimenti tas-Sibt iddominaw l-istampa lokali u ngħataw rappurtaġġ fuq media internazzjonali…fosthom The Guardian u l-EuroNews, il-programm ta’ analiżi tal-gazzetti fuq l-istazzjon Laburista injora ghal kollox l-istorja ewlenija tal-aħħar 24 siegħa, u isem Keith Schembri qajla tlissen fi programm ta’ iktar minn siegħa. F’tentattiv mill-Partit Laburista u l-Gvern biex jipprovaw inessu l-fatti xokkanti li ħarġu tul il-jum tas-Sibt.