Lokali

Il-Grupp Parlamentari tal-PN magħqud biex jiġġieled il-korruzzjoni tal-Gvern Laburista

F’laqgħa urġenti li saret illum filgħaxija fuq inizjattiva tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista kkundanna lill-Partit Laburista u l-Gvern Laburista ta’ Robert Abela u Joseph Muscat għall-ħsara kbira li għamlu u għadhom qed jagħmlu lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Il-Grupp Parlamentari esprima t-tħassib serju tiegħu dwar il-ħsara li saret lill-pilastri ekonomiċi ta’ pajjiżna bir-riżultat li eluf ta’ impjiegi tpoġġew f’riskju kbir.

Fid-dawl ta’ dan kollu minn għada filgħodu fid-9am, id-Deputati kollha tal-Partit Nazzjonalista se jużaw il-ħin tagħhom fil-Parlament sabiex jenfasizzaw u jispjegaw il-gravità tas-sitwazzjoni fil-pajjiż wara dak li seħħ fil-Qorti lbieraħ filgħaxija.

Il-Grupp Parlamentari kkonferma li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-abbużi ta’ poter se jibqgħu fuq nett tal-aġenda u l-ħidma politika tal-Partit Nazzjonalista. Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista jappella lill-Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba biex jibqgħu sodi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ħa vot ta’ radd il-ħajr lill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li bis-saħħa tiegħu saru ż-żewġ inkjesti maġisterjali li wasslu għall-arresti ta’ Keith Schembi u numru ta’ persuni oħra li issa qegħdin il-ħabs. Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia li f’Marzu 2016 bdiet tikxef il-korruzzjoni ta’ Keith Schembri fil-bejgħ tal-passaporti.