Lokali

Jinqabdu jġorru oġġetti misruqa f’karru minn sit ta’ kostruzzjoni

Żewġt irġiel, Malti ta’ 36 sena residenti Ħaż-Żabbar u Taljan ta’ 47 li joqgħod il-Fgura, aktar kmieni llum inqabdu jisirqu minn sit ta’ kostruzzjoni f’Wied il-Għajn.

Kienu għall-ħabta ta’ nofsinhar, x’ħin il-Pulizija ta’ Wied il-Għajn ġiet infurmata li x’aktarx hemm persuni suspettużi fi blokka li għadha qiegħda tinbena fi Triq Ġużeppi Lanzon.

Il-Pulizija tad-Distrett flimkien mal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) marru mill-ewwel fuq il-post, iċċirkondaw is-sit, daħlu fil-binja, sabu liż-żewġt irġiel iġorru karru li fuqu kien hemm diversi għodda u ġew arrestati.

Wara l-arresti, il-pulizija għamlu tfittxija fir-residenzi tagħhom u nstabu diversi għodda u affarijiet oħra. Mill-investigazzjonijiet irriżulta li dawn l-oġġetti nsterqu minn sit ieħor ta’ kostruzzjoni li jinsab fi Triq il-Maħsel, Wied il-Għajn, nhar is-17 ta’ Marzu li għadda.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.