Lokali

“L-istituzzjonijiet qed jillapazzaw…ġibtu lill-Partit żibel” – Mark Camilleri

"Daphne kellha raġun"

“L-istituzzjonijiet f’pajjiżna mhux qed jaħdmu, l-istituzzjonijiet qed jillapazzaw f’reġim legali deskritt bħala Jungle Rules”

Hekk sostna permezz ta’ post fuq il-midja soċjali, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri fejn spjega li tul il-jum tas-Sibt, pajjiżna esperjenza mument storiku fejn persuna ta’ profil għoli marret torqod f’ċella fil-ħabs.

Mark Camilleri nnota però li l-Gvern Laburista qed jiddeskrivi dan li qiesu skerz u jinħeba wara l-frażi “l-istituzzjonijiet qed jaħdmu”.

Camilleri insista li pajjiżna mmexxi mill-pulċinelli hekk kif sas-Sibt stess il-propogandist tal-magna Laburista Karl Stagno Navarra ħass il-ħtieġa li jibqa’ jiddefendi lill-‘mafja’ li ħakmet il-kuriduri ta’ Kastilja lura fl-2013.

Dan filwaqt li attakka lill-Kap Eżekuttiv tal-midja Laburista, Jason Micallef, talli għadu qed jippermetti dan “il-ħmieġ” ta’ diskors fuq l-istazzjon li jmexxi.

Mark Camilleri ħadha qatta’ bla ħabel kontra d-Deputat Laburista Ian Castaldi Paris wara li fl-aħħar jiem baqa’ jfaħħar lil Keith Schembri.

Camilleri temm jgħid li Daphne Caruana Galizia kellha raġun, u minkejja li provaw ikeċċuh minn xogħlu xorta ser jibqa’ xewka kbira fejn hemm bżonn.