Futbol Sport

Man Utd eliminati minn Leicester…Chelsea jgħaddu bi tbatija

Leicester City ikkwalifikaw għas-semi-finali tal-FA Cup għall-ewwel darba f’39 sena wara li eliminaw lil Manchester United – li kienu fost il-favoriti għat-tazza – fil-King Power Stadium, bl-iskor konvinċenti ta’ 3-1.
Intant, Leicester, ix-xahar id-dieħel jikkonfrontaw lil Southampton f’Wembley Stadium, waqt li Chelsea u Manchester City jridu jikkuntestaw is-semi-finali l-oħra.

Fil-verità, il-Foxes ma serqu xejn għaliex kienu l-aħjar tim, b’Man United juru nuqqas ta’ ħeġġa għal ħafna ħinijiet, bil-midfield u d-difiża tar-Red Devils ibatu ferm kontra l-inkursjonijiet insidjużi ta’ Tielemans, Vardy u Iheanacho. Intant, Iheanacho kellu jkun il-plejer tal-logħba b’żewġ gowls opportunisti (wieħed f’kull taqsima). Lanqas ma ħadmet it-tattika tal-manager ta’ United, Ole Gunnar Solskjaer, li serraħ numru ta’ first-teamers bħal Luke Shaw, Bruno Fernandez u Scott McTominay – u b’dawn il-plejers, imbagħad, jidħlu fl-aħħar 25 minuta fi sforz iddisprat biex isalvaw ir-riżultat.

L-ewwel gowl ta’ IHEANACHO wasal fl-24 minuta meta, wara pass ħażin ta’ Fred, l-eks attakkant ta’ Manchester City dar mal-gowlkiper Henderson u xeħet f’xibka vojta. Ir-Red Devils wieġbu qabel il-mistrieħ minn Mason GREENWOOD (38) li għeleb lil Schmeichel b’xutt b’saħħtu wara l-finta ta’ van de Beek li qarrqet bid-difensuri ta’ Leicester. Madankollu, it-tieni taqsima kienet kważi kollha ta’ marka ‘Leicester’, bil-Foxes ma jdumux ma jmorru mill-ġdid fil-vantaġġ meta Youri TIELEMANS (52) spara ġewwa wara azzjoni personali. Ir-reazzjoni ta’ United kienet fjakka u Iheanacho, mill-ġdid, ħa vantaġġ mill-indeċiżjoni tad-difensuri avversarji meta, fis-78 minuta, għola bir-ras għall-freekick ta’ Albrighton biex jegħleb lil Henderson għat-tielet gowl tal-Foxes.

Sadanittant, Chelsea – li rebħu l-FA Cup tmien darbiet fl-istorja tagħhom – ibbukkjaw posthom fis-semi-finali tal-kompetizzjoni b’rebħa pjuttost diffiċli fuq Sheffield United. Il-Blues, li tilfu l-finali tas-sena l-oħra ma’ Arsenal, f’Wembley, marru fil-vantaġġ b’gowl xi ftit iffortunat meta l-midfielder tal-Blades, Oliver Norwood, (24) ikkommetta awtogol klassiku fuq il-kross fil-baxx ta’ Ben Chilwell. Chelsea, imbagħad, kellhom aktar azzjonijiet fuq il-lasti tal-avversarji, bil-gowlkiper ta’ Sheffield, Ramsdale, isalva darbtejn fuq it-tentattivi ta’ Pulisic. Sadanittant, David McGoldrick mar viċin ħafna tad-dro meta d-diving header tiegħu għadda ftit barra fuq l-assist preċiż ta’ Lundstram. Il-gowlkiper ta’ Chelsea, Arrizbalaga, imbagħad kellu jagħmel save diffiċli fuq it-tentattiv ta’ McBurnie, bil-Blades jibdew iżidu fl-attakki wara l-bidu inċert.

Madankollu, it-tamiet ta’ Sheffield United li jisfurzaw il-ħin barrani sfumaw sekondi mit-tmiem, meta Hakim ZIYECH irdoppja b’xutt fil-baxx għat-2-0 finali. Intant, din hi r-raba’ darba f’ħames staġuni li Chelsea kwalifikaw mal-aħħar erba’ tims tal-FA Cup. Iż-żewġ semi-finali f’Wembley Stadium se jsiru bejn is-17 u t-18 ta’ April.

Premier League
Arsenal wettqu rimonta mill-aqwa kontra West Ham United f’derby ta’ Londra mill-aktar eċċitanti li produċiet xejn anqas minn sitt gowls.
Fil-fatt, il-logħba baqgħet imprevedibbli għall-aħħar, bil-Gunners jibbilanċjaw il-kontijiet wara li kienu spiċċaw 0-3 minn taħt u bl-attakki fuq iż-żewġ lasti ma jonqsux sat-tisfira finali.
West Ham United fetħu fuq l-attakk u l-Gunners sabu ruħhom minn taħt wara kwarta logħob meta Jesse LINGARD venven ġmiel ta’ xutt minn barra l-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Leno. L-istess Leno kellu tort fit-tieni gowl tal-Hammers meta ħalla x-xutt pjuttost dgħajjef ta’ Jarrod BOWEN (17) għaddej minn taħt idu u b’Tomas SOUCEK (32) imbagħad jagħmilhom tlieta meta dawwar għal ġewwa id-daqqa ta’ ta’ Michail ANTONIO.

Minn dak il-ħin, bdiet ir-rimonta ta’ Arsenal b’Alexandre LACAZETTE (38) inaqqas il-marġni b’xutt li ħabat ma’ Soucek qabel spiċċa fix-xibka. U fit-tieni taqsima, il-Gunnrs skurjaw darbtejn oħra – bl-ewwel wieħed jasal minn awtogol ta’ Craig Dawson (61) fuq il-kross fil-baxx ta’ Luke Chambers u b’Lacazette jagħmilhom 3-3 tmien minuti mit-tmiem, b’daqqa ta’ ras stupenda fuq l-assist ta’ Nicolas Pepe.

Tottenham Hotspur pattew xi ftit għall-eliminazzjoni diżappuntanti ma’ Dinamo Zagreb fl-Ewropa League b’rebħa, 0-2 fuq Aston Villa barra minn darhom. B’din ir-rebħa, Spurs żammew iċ-ċans żgħir li jispiċċaw mal-ewwel erba’ postijiet fil-kampjonat iżda mhemmx dubju li huma jridu juru ferm aktar konsistenza fil-logħob li fadlilhom. L-ewwel gowl ta’ Spurs wasal kontra x-xejra tal-logħob, bil-gowliper ta’ Villa, Martinez, jagħmel clearance ħażin, bil-ballun jispiċċa f’saqajn Harry Kane li sab lil Loucas Moura li għadda pass perfett lil Carlos VINICIUS (29) li ma żbaljax mill-viċin.
Fit-tieni taqsima, Tottenham serrħu rashom mir-riżultat meta Matty Cash waqqa’ lil Harry KANE fil-kaxxa, bl-istess plejer (68) ma jiżbaljax mill-ħdax-il metru biex aċċerta mill-punti.

FA CUP : Kwarti Finali Ilbieraħ; Bournmouth v Southampton 0-3, Everton v Man City 0-2 Ilum; Chelsea v Sheff Utd 2-0 Leicester v Man Utd 3-1
Semi Finali; Leicester v Southampton, Chelsea v Man City

Premier League: Il-Ġimgħa; Fulham v Leeds 1-2
Ilbieraħ; Brighton v Newcastle 3-0 Ilum; West Ham v Arsenal 3-3, Aston Villa v Tottenham 0-2