Lokali

“Nirsistu fil-preżent u naħdmu għal futur aħjar” – Bernard Grech

“Jien ma ngħix fil-futur, iżda ngħix fil-preżent u naħdem sabiex ikollna futur aħjar”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt l-intervista li saritlu l-Ħadd filgħodu minn Chris Peregin fejn insista li l-Partit Nazzjonalista huwa Gvern Alternattiv li taħt it-tmexxija tiegħu lest jiftaħ lil Malta u għal skoperti ġodda.

Bernard Grech faħħar il-ħidma tad-Deputati Nazzjonalista kif ukoll l-kandidati ġodda li bit-talenti tagħhom u id f’id mal-esperti l-Partit Nazzjonalista jaf fejn irid jieħu lil dan il-pajjiż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li huwa ma jridx li jsir il-ġid għal gwadann politiku iżda ġid li jissarraf fil-but u benesseri ta’ kull ċittadin Malti u  Għawdxi.

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna, Bernard Grech insista li l-Partit Nazzjonalista huwa konvint li tul dawn l-aħħar tnax-il xahar, partikolarment fis-Sajf, il-Gvern ta’ Robert Abela seta’ jindirizzaha aħjar bħal fost oħrajn aktar rinfurzar fl-iscreening tal-portijiet u arjurport ta’ pajjiżna – partikolarment minħabba l-varjant.

Bernard Grech insista li jekk ilkoll kemm aħna rridu li pajjiżna jimxi ‘il quddiem għandna bżonn inkunu maturi u onesti. Għaldaqstant, Bernard Grech stqarr li filwaqt li l-poplu kien fil-libertà kollha li jivvota lill-Partit Laburista fl-2013, illum il-ġurnata qed jirrealizza li t-tmexxija Laburista daħqet bihom għaliex kienu kriminali.

Huwa ħeġġiġhom sabiex jagħmlu kuraġġ l-għaliex Partit Nazzjonalista jrid lil pajjiżna aħjar, mhux biex jimla’ butu imma biex jagħti lill-poplu dak li jixraqlu.

Bernard Grech temm jgħid li bosta persuni jixtiequ jaraw bidla u l-partit li bena l-ekonomija ta’ pajjiżna mill-għeruq – lest għal darb’oħra jwettaq dan b’umiltà – flimkien ma kull min irid ikun protagonist f’din il-paġna ġdida.