Tħabbret il-mewt ta’ Brother Patrick Attard Portughes, magħruf partikolarment fost il-Lasaljani li attendew l-iskola fil-Kulleġġ ta’ De La Salle, fl-età ta’ 76 sena.
Huwa twieled Tas-Sliema nhar id-19 ta’ Settembru, 1944 fejn issieħeb mal-Aħwa tal-Iskejjel Insara fil-5 ta’ Novembru 1964 fl-Ingilterra – f’liema jum minn John, huwa ngħata l-isem reliġjuż ta’ Brother Patrick Edmond.
Brother Patrick serva fost oħrajn bħala edukatur fil-Kulleġġ De La Salle għal sena bejn l-1966 u l-1967, kif ukoll għal sena oħra fil-Kulleġġ ta’ Stella Maris is-sena ta’ wara.
Għal bosta snin, Brother Patrick magħruf għal fatt li kien jieħu ħsieb it-tuckshop tal-iskola De La Salle, u librerija tal-Primarja.
Bosta iddeskrivewh bħala ġentlom ta’ qalb kbira dejjem lest jgħin lil min kien fil-bżonn.