Il-mexxejja tal-Ewropa qed jikkritikaw bil-kbir id-deċiżjoni tat-Turkija biex tirtira minn ftehim internazzjonali intiż biex jipproteġi lin-nisa mill-vjolenza.
L-istess mexxejja ‘huma inkwetati’ dwar is-sitwazzjoni u ‘ma jistgħux jifhmu’ għalfejn it-Turkija waslet għal din id-deċiżjoni. Intant, huma qed iwettqu pressjoni fuq il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, biex jikkunsidra mill-ġdid dan il-pass.
Il-Gvern ta’ Erdogan, fi tmiem il-ġimgħa, ħareġ mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul li kien iffirma fl-2011 wara li l-istess konvenzjoni kienet twaqqfet proprju fl-akbar belt tat-Turkija. Issa, it-Turkija qed tgħid li d-drittijiet tan-nisa se jkunu protetti mil-liġijiet domestiċi ‘u mhux minn liġijiet barranin’.
Il-ftehim tal-Kunsill tal-Ewropa jesiġi l-eliminazzjoni tal-vjolenza domestika waqt li jippromwovi l-ugwaljanza. Il-qtil tan-nisa fit-Turkija żdied sew fl-aħħar snin u eluf ta’ nisa Torok, fi tmiem il-ġimgħa, ħarġu jipprotestaw kontra l-aħħar pass tal-Gvern waqt dimostrazzjonjiet f’Istanbul u bliet oħra.
Il-Ġermanja, Franza u l-Unjoni Ewropea kienu fost l-ewwel li kundannaw l-irtirar tat-Turkija mill-ftehim – jiem biss wara li l-mexxejja Ewropej kienu kritikaw id-deċiżjoni ta’ Ankara biex tagħlaq partit politiku (fit-Turkija) li jappoġġja l-kawża tal-Kurdi.
Il-Kap tal-politika barranija tal-UE, Josep Borrell, esprima d-dispjaċir tiegħu għall-azzjoni tat-Turkija li tipperikola s-sigurtà tal-mara u li kapaċi tikkomprometti l-protezzjoni u d-drittijiet fundamentali tan-nisa u bniet f’dak il-pajjiż. Borrell qal li l-pass ta’ Ankara jibgħat messaġġ perikoluż madwar id-dinja filwaqt li talab biex il-Gvern ta’ Erdogan ‘idawwar id-deċiżjoni li ħa’.
//= $special ?>