Wara jiem ta’ investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u l-Pulizija tad-Distrett tal-Mosta b’rabta mas-serq, 4 irġiel mill-Georgia ġew arrestati mill-Pulizija b’rabta ma’ sensiela ta’ serq minn residenzi f’diversi lokalitajiet.
Il-Ħadd filgħodu, waqt li Kuntistabbli stazzjonat ir-Rapid Intervention Unit (RIU) kien off-duty, innota l-vettura li kienu qed jużaw dawn l-4 irġiel f’San Pawl il-Baħar. Għalhekk, il-pulizija għamel kuntatt mal-Kamra tal-Kontroll, infurmahom li għandu bżonn l-assistenza u fi ftit ħin, il-vettura ġiet imwaqqfa mill-Pulizija tal-RIU u ż-żewġt irġiel ta’ ġo fiha ġew arrestati.
Wara l-arresti, il-Pulizija stabbiliet li l-irġiel jgħixu l-Qawra. Għaldaqstant, il-pulizija marru fir-residenza fejn arrestaw liż-żewġt irġiel l-oħra u sabu diversi affarijiet irrappurtati misruqa.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett tal-Mosta għadhom għaddejjin.