Claudio Grech, PN
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-poplu Malti għandu jingħata sens ta’ tama għaliex fis-soċjetà hawn sens ta’ dieqa; tama li tista’ tingħata b’sens ta’ iggvernar iktar miftuħ.
Fil-parlament Claudio Grech qal li l-indikazzjonijiet huma li l-pajjiż se jkollu deficit ta. €1.3 biljun; li se jkun sewa 115,000 paga medja fuq medda ta’ sentejn. Hu semma’ r-riformi li għamel Gvern Nazzjonalista u qal li Gvern Laburista wassal lill-pajjiż għal dak li seħħ nhar is-sibt li għadda l-arresti tal-persuni li tressqu l-qorti.
Id-deputat Nazzjonalista qal li f’dan il-mument hawn ħafna tassib fost is-setturi kollha tal-ekonomija, fosthom fost in-negozjanti u dak marbut mal-proċess tal-Moneyval fejn hu ttamat li r-riżultat ma jkunx negattiv iżda li jippermetti lill-pajjiż biex jibda jsewwi l-ħsara li saret lill-pilastri tal-ekonomija Maltija.
Minbarra l-COVID, il-problemi l-oħra kollha li għandu l-pajjiż ġabhom il-gvern Laburista fosthom fil-mod kif Malta hi proġettata internazzjonalment, fl-impjegati u fuq il-ġenerazzjonijiet li telgħin li jħarsu lejn liema setturi se jkunu qed jaħdmu fihom.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern mhux iffukat fuq kif se joħloq il-ġid għax dejjem qed jipprova jara kif se jsolvi l-problemi li qed jinħolqu. Hu sostna li din is-sitwazzjoni waslet wara snin twal ta’ dewmien, sostna Claudio Grech, li kompla li hu kruċjali għall-pajjiż li jkollu partit politiku li qed jiffoka fuq kif se joħloq il-ġid u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Claudio Grech qal li dan il-pajjiż għandu bżonn stabbiltà fejn il-gvern ikun kompetenti ma jkunx mhedi fil-kriżijiet iżda mhedi kif se joħloq il-ġid. Il-gvern m’għandux iħares lejn il-governanza bħala xi dritt awtomatiku jew li t-tmexxija tal-pajjiż hi tmexxija ta’ kumpanija. Għalhekk il-PN qed jiġġedded u qed jinvolvi iktar nies fil-mod kif tkun formolata l-politika.
Claudio Grech qal li l-partiti jridu jitilqu mill-era tal-konsultazzjoni u jmur lejn l-era tal-parteċipazzjoni li hi kontribut ewlieni li l-ebda gvern futur ma jesperjenza dak li l-pajjiż esperjenza nhar is-sibt li għadda.
//= $special ?>