Internazzjonali

Covid-19: Aktar provi li l-vaċċin tal-AstraZeneca hu sigur u effettiv ferm kontra l-virus

Il-provi li saru fl-Istati Uniti għall-vaċċin tal-AstraZeneca-Università ta’ Oxford urew mill-ġdid li t-tilqima hi sigura u effettiva ferm għal kontra l-Covid-19.

Ir-riżultati kienu ilhom mistennija wara li ‘il fuq minn 32,000 voluntiera ħadu sehem fil-provi – li l-parti kbira tagħhom saru fl-Istati Uniti u bi provi oħra jsiru wkoll fiċ-Ċile u l-Peru.

Instab li l-vaċċin għandu effettività ta’ 79 fil-mija kontra s-sintomi tal-Covid-19 u li t-tilqima tiegħu hi mija-fil-mija effettiva biex tevita li n-nies jimirdu serjament bil-virus. Sinifikanti wkoll kien il-‘verdett’ li mhemmx issues ta’ periklu rigward każi potenzjali ta’ trombożi għan-nies li jingħataw it-tilqima.

L-informazzjoni għandha tbiegħed aktar din il-biża’ f’xi pajjiżi Ewropej li fl-aħħar jiem kienu waqqfu r-‘rollout’ tal-vaċċin inkwistjoni fost it-tħassib dwar ‘il-konnessjoni potenzjali mat-trombożi’.

Fil-fatt, numru minn dawn il-pajjiżi qed jerġgħu jużaw il-vaċċin tal-AstraZeneca ladarba l-EMA — ir-regolatur tal-mediċina għall-Ewropa – ikkonkludiet li l-vaċċin hu effettiv u ma jġorrx element ta’ periklu partikulari.

Intant, l-informazzjoni mill-provi li saru fl-Istati Uniti – speċifikament mill-esperti tal-Università ta’ Columbia u l-Università ta’ Rochester, b’kollaborazzjoni mal-AstraZeneca – kapaċi taċċerta aktar nies dwar kemm il-vaċċin jipproteġi lill-anzjani kontra l-mard assoċjat mal-Covid-19.

Dan meta numru ta’ pajjiżi, sa ftit ilu, irrifjutaw li jawtorizzaw l-użu tal-vaċċin tal-AstraZeneca fl-adulti ta’ ‘il fuq minn 65 sena, fost l-insistenza dwar ‘nuqqas ta’ provi dwar is-sigurtà tat-tilqima’.

Madwar wieħed f’kull ħamsa fost il-voluntiera għall-provi fl-Istati Uniti kellhom ‘il fuq minn 65 sena u l-vaċċin ingħatalhom f’żewġ dożi separati f’perjodu ta’ erba’ ġimgħat. Intant, ir-riżultati wrew li l-vaċċin jipproteġi lil dawn l-anzjani fuq l-istess livell ta’ persuni iżgħar fl-età.

Fil-preżent, mijiet ta’ eluf ta’ nies fir-Renju Unit u madwar l-Ewropa qegħdin jitlaqqmu kuljum bil-vaċċin tal-AstraZeneca  — u dawn ir-riżultati huma importanti ħafna għall-Istati Uniti li mistennija twitti t-triq biex l-istess vaċċin ikun approvat mir-regolaturi Amerikani sa xahar jew xahrejn oħra.