Lokali Parlament

Id-deputati Laburisti bi strateġija biex jiddefendu lil min wettaq il-korruzzjoni

Beppe Fenech Adami, PN

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami sostna li d-deputati Laburisti ilhom snin għaddejji bi strateġija biex jiddefendu lil min wettaq il-korruzzjoni; propju lin-nies li tressqu nhar is-sibt li għadda.

Fil-parlament id-deputat Nazzjoalista Beppe Fenech Adami qal li 48 siegħa ilu l-pajjiż għex mumenti drammatiċi s-sibt li għadda u kkritika lil Rosianne Cutajar li qalet ftit qabel li l-gvern kien baqa’ onest mal-poplu fil-pandemija. Hu qal li s-sewwa jirbaħ żgur u qal li nhar is-sibt kien pass żgħir biex jistrieħ u biex issir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha li nqatlet għax kixfithom.

Id-deputat Nazzjonalista sellem lin-nisa ta’ Occupy Justice u għal Repubblika li baqgħu jinsistu għall-ġustizzja kif għamel il-PN mill-Oppożizzjoni. Hu qal li l-PL għażel lil Robert Abela għax se jkompli fuq il-passi ta’ Joseph Muscat u għalhekk issa d-deputati Laburisti jridu jerfgħu r-responsabbiltà politika u iktar għal dak li għaddej minnu l-pajjiż.

Beppe Fenech Adami qal li dak li seħħ nhar is-sibt ma seħħx bis-saħħa tal-Gvern jew għax ried Robert Abela iżda seħħ minkejja t-tfixkil tal-Prim Ministru u tal-PL. Hu qal li bil-fatti d-deputati Laburisti fixklu u ma reidux li toħroġ il-verità u għadhom jiddefendu lill-kriminali u lill-korrotti.

Id-deputati Laburisti għadhom jiddefendu lil Joseph Muscat, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li d-deputati Laburisti fixklu lill-istituzzjonijiet u riedu li ma jinqabdux il-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia biex jinkixfu l-korrotti.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-pajjiż minn kalvarju għalxejn iżda ż-żejt dejjem jitla’ f’wiċċ l-ilma. Hu sostna li d-deputati Laburisti issa kollha jwaħħlu f’xulxin u kompla li hu kburi li kien Viċi-Kap tal-PN fi żmien l-ex Kap Simon Busuttil.

Beppe Fenech Adami qal li l-akkużati tas-sibt li għadda tressqu fuq ir-rizultanzi ta’ żewġ inkjesti; waħda dwar il-bejgħ tal-passaporti li kienet intalbet mill-ex-Kap tal-PN Simon Busuttil.  It-tieni inkjesta kienet dwar tixħim li saru f’kumpaniji barra l-pajjiż bl-għajnuna tan-Nexia BT u tal-Bank Pilatus fi żmien Gvern Laburista.

Id-deputat Nazzjonalista qal li Simon Busuttil kien spjega  kif  Keith Schembri kien għadda l-pagamenti ta’ mijiet ta’ eluf ta’ dollari lil Adrian Hillman waqt li l-PL kien allega li Simon Busuttil kien mar il-qorti bil-kaxxi vojta. Hu sfida lid-deputati Laburisti biex jirrikonoxxu dan u ma jibqgħux jiddefendu lill-korrotti.

Beppe Fenech Adami qal li l-pajjiż bħalissa għandu problemi kbar iżda l-PL mhux jinduna li l-korruzzjoni hi mażżra ma’ għonq il-pajjiż. Hu qal li l-Prim Ministru kien konsulent ta’ Joseph Muscat b’uffiċċju bieb ma’ bieb ma’ Keith Schembri u man-Nexia BT.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li Robert Abela kien il-persuna li mexxa n-narrattiva biex l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tkun imfixkla. Robert Abela kien il-persuna li fl-1 ta’ Settembru 2018 kiteb li l-Gvern m’għandu bżonn l-ebda parir u wasal biex akkuża lit-tfal ta’ Caruana Galizia li qed ifixklu l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ ommhom stess biex ma toħroġx l-verità

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PL kellu strateġija apposta biex ibiegħu l-idea li t-tfal ta’ Daphne Caruana  Galizia intenzjonalment fixklu l-investigazzjoni; dak kien parti min-narrattiva apposta tal-PL biex jiżvijjaw. Il-PL ġiegħlu lin-nies jobgħodu lil Daphne u wara li nqatlet il-PL beda kampanja  biex jitfa’ dell fuq it-tfal ta’ Daphne biex ineħħi l-ħtija minn fuq il-qattiela.

Beppe Fenech Adami qal li din hi traġedja tal-poplu Malti f’mument meta l-pajjiż għandu problemi ekonomiċi kbar. Il-PL għadu jiddefendi lill-kriminalità; jeħtieġ paġna ġdida. Hu appella lid-deputati ġodda Laburisti biex jaqilbu l-paġna u ma jfixklux mill toħroġ il-verità f’każi kbar ta’ korruzzjoni. Hu semma’ l-iskandli tal-isptarijiet u tal-power station u appella biex dan l-iskandlu jkun indirizzat u toħroġ il-verità.